Budget 2020 Ekonomija Lokali

Il-piż qiegħed jinġarr minn dawk li jifilħu l-inqas – PN

Il-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista qiegħed ikompli jagħfas lill-middle class u dawk li jaqgħilu l-inqas. Dan għaliex qed iħossu morsa doppja fejn min-naħa waħda qiegħed iżomm il-pagi baxxi filwaqt li min-naħa l-oħra qiegħed iwassal biex il-prezzijiet jogħlew. Dan joħroġ ċar mill-istatistika maħruġa kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll minn statistika uffiċċjali tal-Gvern.

Fi stqarrija, il-PN qal illi pajjiżna ra fost l-inqas tkabbir fil-pagi, tkabbir ta’ 1.1%. Il-medja tat-tkabbir fil-pagi fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 2.9% jigifieri ferm iżjed mid-doppju. Dan joħroġ mill-aħħar ċifri dwar il-pagi maħruġa mill-Eurostat.

Il-ġimgha l-oħra, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblika statistika dwar il-prezzjijiet f’pajjiżna fejn irriżulta li l-prezz tal-ikel kompla jirranka ‘il fuq. F’Awwissu l-ikel għola bi 3.75%. Min qiegħed jaqla’ ħafna, qajla se jħoss din iż-żieda fil-prezz, imma ghall-middle class u dawk li qed jaqilgħu l-inqas, partikolarment l-anzjani u single income earners, din iż-żieda tfisser ħafna. Dawn il-persuni diġa’ mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. Ta’ min ifakkar li ftit ġimgħat ilu għola wkoll il-prezz tal-petrol u d-diesel.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jemmen li l-unika mudell ekonomiku li jaħdem għal pajjiżna huwa li jġib il-ħaddiema barranin biex jaħdmu f’pajjiżna, imma huwa propju dan il-mudell li qiegħed iħalli ħafna vittmi warajh mhux l-inqas dawk li qed isibuha impossibbli li jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja.


Il-Partit Nazzjonalista jemmen li hemm mod aħjar, mod iżjed ġust u bilanċjat ta’ kif titmexxa l-ekonomija. Fil-Pre Budget Document ta’ din is-sena, l-Partit Nazzjonalista qiegħed joffri proposti biex itaffi s-sitwazzjoni ta’ min qiegħed iħoss l-għafsa kbira tal-għoli tal-ħajja. Fost il-proposti hemm dik li kull sahra u xogħol part-time jiġi ntaxxat biss sa massimu ta’ 10%.