Budget 2020 Lokali

Il-prezz tal-ikel f’Malta jiżdied bid-doppju tal-medja fl-UE

Il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi qed jiżdiedu xahar wara l-ieħor

Il-prezzijiet tal-ikel f’Malta f’dawn l-aħħar għaxar snin żdiedu b’iktar mid-doppju tal-medja fl-Unjoni Ewropea.

Il-ġurnal Times of Malta jirrapporta li l-prezzijiet tal-ikel f’Malta qed jiżdiedu b’rata ta’ 2.9% filwaqt li fl-UE, il-prezzijiet tal-ikel jiżdiedu b’medja ta’ 1.4%.

Barraminhekk, ċifri tal-Eurostat maħruġa iktar kmieni din is-sena, juru li l-prezzijiet tal-ikel fl-2018 kienu 12% ogħla mill-medja tal-UE.

Ċifri oħrajn – din id-darba tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) – juru li l-prezzijiet tal-ikel huma l-ikbar kontributur tal-għoli tal-ħajja f’Malta.

Intervistat minn Times of Malta, l-ekonomista Gordon Cordina qal li l-familji Maltin jonfqu medja ta’ madwar 20% tan-nefqa tad-dar fuq l-ikel. Din titla’ għal 25% fil-każ ta’ pensjonanti u kważi terz f’każ ta’ familji bi dħul baxx.

Hu qal li fost ir-raġunijiet ewlenin hemm l-iżolament ġeografiku u ċ-ċokon tas-suq Malti li ħafna drabi ma jkollux għażla oħra ħlief li jassorbi dawn iż-żidiet fuq livell internazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista ilu xhur sħaħ jitkellem dwar il-fatt li ħafna familji u ħaddiema mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. Dan filwaqt li żidiet oħra bħal dawk fil-prezz tal-petrol u d-diesel żgur li mhux jgħinu din is-sitwazzjoni diġa’ problematika.

U huwa propju għalhekk li fil-Budget li jmiss il-familji Maltin u Għawdxin qed jistennew żieda għall-għoli tal-ħajja li ma tkunx sempliċiment il-minimu rikjest mis-sistema tal-COLA.