Grupp ta’ ġiħadisti armati attakkaw bażi militari fis-Somalja fejn is-suldati tal-Istati Uniti qegħdin iħarrġu l-kommandos.
L-attakk ħalla numru mhux determinat ta’ vittmi – bil-grupp tal-militanti al-Shabab jassumi r-responsabbiltà ftit tal-ħin wara.
L-ewwel rapporti kienu tar-residenti lokali li rreferew għal ‘splużjonijiet kbar u sparaturi’ fl-ajruport ta’ Baledogle, fir-reġjun ta’ Shabelle lejn in-nofsinar tal-pajjiż.
Il-grupp al-Shabab qal li uża karozza-bomba biex jeqred il-bibien tal-bażi ‘qabel il-ġiħadisti daħlu fil-bażi’.
Ir-rapporti, imbagħad, irreferew għal ġlied qalil fl-inħawi qabel il-militanti kienu kostretti li jirtiraw.
Madankollu l-al-Shabab ħareġ stqarrija dwar ‘l-attakk kuraġġjuż li mexxew il-milianti’ waqt li sostna li l-ġellieda tiegħu ‘daħlu f’battalja intensiva’ mad-difensuri tal-kumpless miltari.
Jingħad li l-bażi sservi bħala kumpless għall-qawwiet speċjali tal-Istati Uniti, il-qawwiet speċjali tas-Somalja kif ukoll għall-peacekeepers mill-uganda.
Il-bażi qed tintuża wkoll għal azzjonijiet bid-drones kontra l-militanti tal-al-Shabab fiz-zona.
Dan meta l-Istati Uniti żiedet sew l-attakki mill-ajru kontra l-al-Shabab – li għandu konnessjoni mal-moviment terroristiku al-Qaeda – mindu l-President Donald Trump ħa r-riedni ta’ pajjiżu.
Fl-istess ħin, mhux eskluż li l-al Shabab attakka din il-bażi bħala ‘ritaljazzjoni’ għall-attakki tal-Amerikani u bħala parti mill-kampanja ‘terroristika’ li l-grupp qed imexxi fuq Mogadishu.
Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan jgħid li l-al-Shabab żamm kontroll fuq partijiet kbar tas-Somalja u għandu l-kapaċità biex imexxi attakki ‘ta’ profil għoli’ permezz ta’ aggressuri suwiċida, tagħmir splussiv kif ukoll bil-gruppi tal-militanti armati sa snienhom.
F’każ separat, konvoj militari Taljan intlaqat minn splużjoni f’Mogadishu, il-belt kapitali tas-Somalja – bil-Ministeru tad-Difiża tal-Italja, wara, jisħaq li ma kienu rappurtati l-ebda vittmi fl-attakk.
//= $special ?>