Lokali

Jeħtieġ li tinġarr ir-responsabbilità politika u legali dwar l-iskandlu tal-bejgħ tal-passaporti

Il-Partit Nazzjonalista jqis it-talba tal-organizzazzjoni Repubblika sabiex issir inkjesta dwar il-l-iskandlu tal-bejgħ tal-passaporti, bħala waħda meħtieġa u urġenti fiċ-ċirkostanzi li żviluppaw matul l-aħħar jiem f’pajjiżna. Dwar dan l-iskandlu jeħtieġ li tinġarr ir-responsabbilità politika u legali minn dawk kollha nvoluti.

Iddikajra dan il-Partit Nazzjonalista, li fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina ddikjara li jemmen li l-Gvern u dawk kollha nvoluti f’dan il-każ m’għandhomx jippruvaw iwaqqfu milli ssir inkjesta iżda minflok għandhom ipoġġu lilhom infushom għad-dispożizzjoni tal-Maġistrat Inkwerenti sabiex tiġi stabbilita l-verità u tittieħed azzjoni kontra min wettaq l-abbuż.

S’issa il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu qed jistaħba wara s-sospensjoni tal-liċenzja tad-ditta nvoluta fil-każ minflok mar għand il-Maġistrat tal-Għassa biex tinfetaħ inkjesta dwar id-ditta li nqabdet tiftaħar bir-rabtiet u influwenza li għandha miegħu u ma’ bosta ministri tal-Gvern Laburista.

“Huwa ta’ għajb li quddiem dan kollu l-Kummissarju tal-Pulizija naqas milli jieħu azzjoni, u bl-aġir tiegħu qed mill-ġdid jikkonferma kemm jinsab maħtuf u kkontrollat mill-Gvern Laburista, u minn dawn viċin tal-Prim Ministru u tal-Ministri Laburisti,” stqarr il-Partit Nazzjonalista.