Minbarra l-akkwist ta’ Nicky Grixti, Sliema akkwistaw mingħand Sirens lil John Brownrigg ukoll. Għal Brownrigg dan hu ritorn hekk kif kien ħalla lil Sliema biex f’dawn l-aħħar tliet snin lagħab ma’ Sirens. Il-plejer ta’ 33 sena beda l-karriera ma’ Neptunes u magħhom rebaħ darbtejn il-Kampjonat tas-Sajf, darba n-knock-out, darbtejn il-Kampjonat tax-Xitwa u tliet darbiet it-Tazza tal-President.
Fl-2008 s-centre ngħaqad ma’ Sliema u kien parti mit-tim li rebaħ l-aħħar żewġ kampjonati fl-istorja tal-klabb fl-2008 u fl-2009. Hu rebaħ ukoll erba’ darbiet in-knock-out, ħames darbiet il-Kampjonat tax-Xitwa u tliet darbiet it-Tazza tal-President għal total ta’ 22 unur.
Fl-2017 hu ngħaqad ma’ Sirens u fl-ewwel Kampjonat tas-Sajf tiegħu mal-klabb skorja 14-il gowl minn 15-il logħba. Is-sena l-oħra hu sab ix-xibka 10 darbiet fil-Kampjonat filwaqt li din is-sena, Brownrigg skorja 21 gowl fl-istaġun tas-sajf. Fost is-snin li lagħab mat-tim nazzjonali, Brownrigg kien parti mill-iskwadra li pparteċipat fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fl-2016 f’Belgrad.
//= $special ?>