Il-Prinċep Mohammed bin Salman tal-Arabja Sawdija wissa li l-prezzijiet taż-żejt jistgħu jieħdu spinta sinifikanti f’każ li d-dinja ‘ma tieħux passi xierqa’ biex trażżan lill-Iran. Salman qal li nuqqas ta’ azzjoni kapaċi tinkoraġġixxi lill-Iran u twassal għal gwerra li kapaċi tħalli effetti diżastrużi għall-ekonomija globali.
It-twissija ngħatat jiem wara l-attakki bid-drones u l-missili fuq il-faċilitajiet taż-żejt tal-Arabja Sawdija, bis-Sawdi qegħdin iwaħħlu dawn l-attakki fl-Iran. Min-naħa tiegħu, l-Iran wieġeb li dawn ir-rimarki tal-prinċep ‘għandhom inisslu mistħija għas-Sawdi.
Fi żviluppi oħra, il-Prinċep Sawdi qal, waqt intervista lil CBS News, li jaċċetta ‘element ta’ responsabbiltà’ fil-qtil, kważi sena ilu, tal-ġurnalista Sawdi Jamal Khashoggi. Il-qtil kien seħħ fil-konsulat tas-Sawdi f’Istanbul, fit-Turkija, fit-2 ta’ Ottubru tal-2018 u l-Prinċep, sadanittant, qed jiċħad li Khashoggi inqatel ‘fuq direttiva personali tiegħu’.
Salman hu, effettivament, il-mexxej tal-Arabja Sawdija filwaqt li hu suspettat bħala ‘protagonista’ fil-qtil ta’ Khashoggi li kien kritiku kbir tal-gvern f’Riyadh.
Intant, Salman qal li l-qtil twettaq minn ‘individwi li kienu qed jaħdmu għall-Gvern Sawdi’ iżda qed jirrifjuta sehem dirett u għajdut li kien jaf xi ħaġa meta seħħ l-omiċidju.
L-awtoritajiet Sawdi qed jgħidu li l-ġurnalista spiċċa vittma ta’ ‘azzjoni li seħħet mingħajr l-awtorità ta’ Riyadh’ filwaqt li ressqu ħdax il-suspettat għal proċess tal-qorti.
//= $special ?>