Internazzjonali

L-Awstrija: Kurz qed jaħseb fl-iżvilupp ekonomiku wara r-rebħa

Il-Mexxej konservattiv tal-Awstrija, Sebastian Kurz, qed jiffaċċa taħditiet diffiċli għall-formazzjoni ta’ koalizzjoni ġdida, għalkemm għandu jqawwi qalbu mill-mandat konvinċenti li tah il-poplu fl-elezzjoni ta’ nhar il-Ħadd li anki wasslet ‘messaġġ iebes ħafna’ lill-Partit tal-Ħelsien estremista tal-lemin li ħallas qares għall-effetti ta’ skandlu li kien jinvolvi lill-eks Viċi-Kanċillier (u eks kap tal-partit) Christian Strache.

L-elezzjoni tal-Ħadd segwiet il-kroll, f’Mejju, tal-koalizzjoni preċedenti ffurmat mill-Partit tal-Poplu konservattiv ta’ Kurz u l-Partit tal-Ħelsien – b’Sebastian Kurz igawdi miċ-ċirkustanzi, tant li l-partit tiegħu, issa, għandu l-akbar vantaġġ fuq is-Soċjali Demokratiċi (li spiċċaw it-tieni fl-elezzjoni) li qatt ġie reġistrat fil-perjodu ta’ wara t-Tieni Gwerra.

Għalissa, Kurz jista’ jagħżel li jidħol f’koalizzjoni mal-Ħodor u, possibbilment, mal-liberali – inkella jasal fi ftehim ġdid mal-Partit tal-Ħelsien. Madankollu, il-Kap tal-Partit tal-Ħelsien, Norbert Hofer, qal, issa, li mhix probabbli alleanza ġdida bejn il-partit tiegħu u l-partit ta’ Kurz.

Min-naħa tiegħu, il-Kanċillier Kurz, waqt intervista mal-ORF, qal li l-prioritajiet jinkludu impenji għat-tkattir tal-iżvilupp ekonomiku meta s-setturi politiċi u tal-kummerċ għaddejjin minn żmenijiet imprevedibbli.

Kurz qal li ‘l-Ewropa qed tara żviluppi ekonomiċi negattivi fil-Ġermanja, meta l-kwistjoni ta’ Brexit għadha mhix solvuta u waqt li hemm it-tensjoni fir-rabtiet ekonomiċi mal-Istati Uniti.’

Hu kompla li l-isfida għall-Awstrija se tinvolvi ħidma lejn żvilupp ekonomiku pożittiv fil-futur fost l-impenji lejn it-trażżin tal-qgħad – bil-Kanċillier jammetti li ‘l-isfida għandha tkun waħda diffiċli ħafna’.