Internazzjonali

L-Indja: ‘Il fuq minn 100 mejtin fost l-għargħar

‘Il fuq minn 100 persuna mietu minħabba l-għargħar ikkaġunat minn xita qawwija fl-Istati Indjani ta’ Uttar Pradesh u Bihar.

Iz-zoni affettwati huma mifqugħin bl-ilma, bl-elementi qed iħallu impatt terribbli għall-ħajja urbana. Dan waqt li t-traffiku, l-iskedi tal-ferroviji, is-servizzi tas-saħħa, l-iskejjel u l-provvista tad-dawl ilkoll ġarrbu l-effetti ta’ din l-emerġenza fiż-żewġ Stati.

Rapport mill-gvern ta’ Uttar Pradesh qal li mietu 93 persuna fl-għargħar min-nhar il-Ħamis.

Intant, l-għargħar lejn il-lvant ta’ Uttar Pradesh ġiegħel lill-uffiċjali jirrelokaw ‘il fuq minn 500 priġunier mill-ħabs distrettwali ta’ Ballia lejn kumplessi ta’ ħabs oħrajn.

Iċ-ċifra tal-mewt f’Bihar kienet stabbilita ‘madwar 30’ skont l-awtoritajiet inkarigati mir-reazzjonijiet għal diżastri fuq dan il-livell. Is-sitwazzjoni, intant, kienet imfissra bħala ‘gravi’ f’Patna li hi l-belt ewlenija ta’ Bihar.

Il-Viċi-Ministru Ewlieni ta’ Bihar, Sushil Modi, kien ‘salvat’, flimkien ma’ familtu, mill-awtoritajiet għall-emerġenzi wara li r-residenza tagħhom imtliet bl-għargħar. Dan meta zoni residenzjali sħaħ spiċċaw taħt l-ilma madwar Bihar u fejn in-nies qed jużaw id-dgħajjes biex ‘jinnavigaw’ mit-toroq mifqugħin bl-ilma fejn hemm numru kbir ta’ vetturi abbandunati u nofshom mgħarrqin.