Wara l-waqfa tas-Sajf, il-Kampus tal-Università ta’ Malta qed jerġa’ jieħu l-ħajja.
Dan hekk kif din il-ġimgħa qed tilqa’ lura fi ħdanha eluf ta’ studenti li qed isegwu xi kors akkademiku, filwaqt li mijiet oħra li qed jibdew esperjenza ġdida biex jimxu ‘l quddiem fl-istudji tagħhom.
L-ewwel ġimgħa tas-sena akkademika ġġib magħha l-Freshers’ Week … ġimgħa ta’ attivitajiet bl-għan li l-istudenti l-ġodda jibdew jadattaw aktar ruħhom għal dan l-ambjent ġdid.
Diversi stands informattivi u kummerċjali jintramaw biex l-istudenti jkunu jistgħu jiġbru l-informazzjoni dwarhom u anke jiġbru xi ftit freebies kummerċjali.
Evidenti l-entużjażmu fost l-istudenti l-ġodda, li ma jonqosx ukoll li jkunu xi ftit nervużi. Min-naħa tagħhom, min diġà għadda l-ewwel sena jissuġġerixxi biex min se jibda din l-esperjenza ġdida, jibda jistudja mill-bidu ħalli ma jaqax lura.
Sadanittant, fil-bidu tas-sena akkademika, it-tmexxija tal-Università ta’ Malta bdiet tfakkar il-250 anniversarju mill-ftuħ tagħha kif nafuha llum.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ir-Rettur tal-Università Alfred Vella qal li f’dawn is-snin, din l-istituzzjoni imxiet dejjem bil-missjoni li tifforma l-imħuħ tal-ġenerazzjonijiet futuri. Hu faħħar sehem il-Papa Klement 14 u l-Gran Mastru Pinto li, 250 sena ilu, kellhom il-viżjoni għal din l-entità edukattiva.
Għal dan l-anniversarju, l-Università ta’ Malta ssieħbet mal-Bank Ċentrali billi ħarġet muniti tal-okkażjoni. Il-muniti huma tal-fidda (b’valutà legali ta’ 10 ewro) u tal-copper-nickle (b’valutà legali ta’ 5 ewro). Fiż-żmien li ġej, dawn se jkunu qed jinbigħu wkoll mill-Kampus.
Min-naħa tiegħu, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Mario Vella qal li l-Bank jinsab onorat li kkollabora mal-Università f’din il-kommemorazzjoni.
NET News jawgura lill-istudenti għal sena akkademika oħra.
//= $special ?>