Jekk il-Gvern Malti ma jieħux azzjoni malajr, qed jissogra li l-pajjiż jispiċċa ‘blacklisted’. Isostni dan, is-sit EU Observer f’opinjoni ppubblikata online.
L-EU Observer jgħid li Malta kienet fiċ-ċentru ta’ ħafna attenzjoni minħabba diversi skandli ta’ korruzzjoni, nuqqas ta’ azzjoni dwar diversi akkużi ta’ reati finanzjarji u saħansitra assassinju ta’ ġurnalista.
EU Observer qal li dan il-klima wassal biex Malta tiġi identifikata bħala “post eċċellenti” għall-ħasil tal-flus. Il-portal jirreferi għar-rapport Moneyval li ta’ ħasla lill-Gvern minħabba dak li jidher bħala nuqqas ta’ rieda mill-Pulizija li jinvestigaw reati finanzjarji.
“Dan ir-rapport għandu jixpruna lill-Gvern biex jieħu azzjoni għaliex Malta tinsab ‘f’xifer blacklisting finanzjarju’ li jista’ jkun devastanti għal ekonomija żgħira bħal dik Maltija,” itenni l-EU Observer.
L-EU Observer jirreferi wkoll għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u jgħid li kuntarju għal ma jiġri f’pajjiżi oħra, ma jidhirx li qed issir l-investigazzjoni finanzjarji sabiex ikun stabbilit minn fejn ġej id-dħul tat-tliet suspettati li wettqu dan id-delitt.
Investigazzjoni finanzjarja ħafna drabi tindika l-mottiv wara reat u min seta’ ħallas biex jitwettaq reat partikolari.
L-EU Observer jirreferi wkoll għat-twissijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li tenna li jekk il-Gvern ma jieħux azzjoni, eluf ta’ jobs se jkunu mhedda.
//= $special ?>