Il-Partit Nazzjonalista aċċetta immedjatament ir-riżenja ta’ Antoine Zammit mill-kariga ta’ Teżorier tal-Partit Nazzjonalista hekk kif filmat beda jiċċirkola fil-media dwaru.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux hekk mexa fir-rigward ta’ Cyrus Engerer li kien instab ħati mill-Qorti tal-Appell Kriminali li kien l-awtur u l-moħħ ta’ tixrid ta’ ritratti pornografiċi fuq l-internet bi skop ta’ vendikazzjoni u vendetta għad-dannu tal-eks sieħeb tiegħu li kien il-vittma f’każ bejniethom.
Cyrus Engerer, li għal perjodu ta’ xhur kien meqjus ukoll bħala star candidate ta’ Joseph Muscat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fil-fatt kien ingħata sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiza fuq l-akkuża ta’ tixrid ta’ materjal pornografiku.
Dak il-każ imur lura għal Jannar tal-2012 u kien ixxokkja lill-media lokali hekk kif il-Pulizija kienet ressqet lil Cyrus Engerer fuq reati ta’ tixrid ta’ pornografija li kienu seħħew f’Jannar 2012.
Ta’ min ifakkar kif fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Michael Mallia dakinhar kien fakkar kif il-Qorti tal-Appell kienet ikkunsidrat li ftit wara li l-eks sieħeb ta’ Cyrus Engerer temm ir-relazzjoni minn miegħu, l-impjegati fejn kien jaħdem l-eks sieħeb ta’ Cyrus Engerer bdew jirċievu permezz ta’ korrispondenza elettronika, ritratti tal-eks sieħeb ta’ Cyrus Engerer f’pożizzjonijiet kompromettenti.
L-eks sieħeb ta’ Cyrus Engerer mill-ewwel informa lill-Pulizija li hu kellu suspetti li l-eks sieħeb tiegħu Cyrus Engerer ried jagħmilu vendikazzjoni wara li kienet intemmet ir-relazzjoni ta’ bejniethom.
Il-Qorti tal-Appell kienet qalet ukoll li l-provi jwasslu għal konklużjoni waħda: li kien Cyrus Engerer li ħoloq l-indirizzi għal korrispondenza elettronika u bagħat ir-ritratti lil min kien iħaddem lill-eks sieħeb tiegħu.
Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li ma tistax tinjora wkoll theddid li Cyrus Engerer għamel fuq il-vittma biex iwaqqa’ l-każ, meta kien jgħidlu li aħjar iwaqqaf il-proċeduri għax jistgħu joħorġu aktar affarijiet li jkunu ta’ mistħija għalih.
Il-Qorti tal-Appell dakinhar kienet ikkummentat ukoll li dan juri f’liema livell waqa’ Cyrus Engerer biex joskura lill-vittma u jipprova jġagħlu jirtira l-każ kriminali kontrih.
In vista ta’ din is-sentenza mill-Qorti tal-Appell, il-Prim Ministru Joseph Muscat dakinhar mhux talli ma warrabx lil Cyrus Engerer, iżda talli kompla jaġevolah f’diversi karigi pubbliċi. L-apiċe tal-appoġġ ta’ Joseph Muscat lil min instab ħati ta’ trixrid ta’ pornografija kien meta f’attività politika fir-Rialtò f’Bormla, l-istess Joseph Muscat kien iddeskriva lil Cyrus Engerer bħala bniedem ta’ kuraġġ u tal-azzar li għamel l-għażla t-tajba meta ngħaqad fil-Moviment Laburista, waqt li kompla li hu kburi bl-għażla t-tajba tal-Partit Laburista li laqgħu b’idejh miftuħa.
Illum il-media Laburista tipprova tieħu vantaġġ politiku minn dak li ġara fil-jiem li għaddew… filwaqt li tinsa t-travu li hemm f’għajnejha mhux biss bil-każ ta’ Cyrus Engerer… iżda ta’ oħrajn fi ħdanha wkoll.
//= $special ?>