Parma laħqu lil Torino fil-klassifika wara li rebħulhom fi Stadio Ennio Tardini 3-2. Parma kellhom bidu mill-aqwa hekk kif marru fil-vantaġġ wara żewġ minuti b’Gervinho jqassam għan-nofs lejn DEJAN KULUSEVSKI li mattar siequ u skorja mill-viċin. Torino ġabu d-draw fit-12-il minuta bi kross mix-xellug isib lil CRISTIAN ANSALDI li skorja b’daqqa ta’ ras.
It-tim ta’ Roberto D’Aversa kellu ċans li jerġa’ jmurr minn fuq man-nofs siegħa logħob meta xutt minn barra l-kaxxa ħabat ma’ id Bremer. Id-deċiżjoni kienet konfermata bil-VAR, bid-difensur jintwera t-tieni karta safra. Iżda l-penalty ta’ Gervinho ġie salvat tajjeb minn Salvatore Sirigu.
Minkejja l-inferjorità numerika, Torino marru fil-vantaġġ fit-43 minuta wara li wkoll b’deċiżjoni tal-VAR ġie ġġudikat li Vincent Laurini waqqa’ lil ANDREA BELOTTI, bl-istess plejer ma jiżbaljax mill-11-il metru. Iżda qabel tmiem l-ewwel taqsima, ANDREA CORNELIUS ġab id-draw immedjat b’xutt bix-xellug minn quddiem Sirigu.
Il-gowl tar-rebħa għal Parma wasal fit-88 minuta, bi kross mil-lemin ta’ Gervinho kien blokkat parzjalment, b’ROBERTO INGLESE jkun pront biex xeħet fix-xibka minn quddiem il-lasta.
//= $special ?>