Lokali Parlament Saħħa

Sessjoni Parlamentari tan-Nanniet

Attività li tittella' ta' kull sena fil-Parlament

Seduta parlamentari tan-Nanniet ġabret bosta nanniet, professjonisti u deputati Parlamentari fil-Parlament li qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar ir-rispett mogħti lin-nanniet f’pajjiżna.

Fl-intervent tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Solitudni, Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, Ivan Bartolo, huwa saħaq kif mill-kliem fieragħ, il-Gvern irid jgħaddi għall-fatti konkreti għaliex l-valur u d-dinjità tal-anzjani mhux jiġi mħares b’mod xieraq. Fakkar kif l-anzjani ma jgħaddux sal-aħħar tax-xahar bil-penzjonanti l-aktar li jħossu l-faqar jew f’riskju ta’ faqar minħabba l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali dejjem jiżdiedu.

Bil-kontra tal-Gvern, li l-unika soluzzjoni għal dan kien li jiddejnu fuq djarhom biex imbagħad iħallsu uliedhom, Bartolo qal li l-Oppożizzjoni, permezz tad-dokument ta’ qabel il-baġit, ppropona biex tiżdied il-penzjoni, ħalli ma jħossux il-morsa tal-għoli tal-ħajja, mhux b’karità imma bi dritt. Is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet għandhom jiġu assigurati b’finanzjament fuq sisien sodi. Fl-istess ħin jiġu indirizzati d-differenzi fil-pagi, fil-karrieri u l-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa.

Is-seduta ġiet indirizzata ukoll mill-Whip u l-Kelliem dwar il-Kunsilli Lokali u l-komunitajiet, Robert Cutajar, li tenna li b’obbligu, bħalma dejjem ta, l-Oppożizzjoni tkun impenjata tagħti l-appoġġ u l-impenn tagħha lill-Fondazzjoni Nanniet Malta, mhux biss fil-Parlament, b’leġiżlazzjoni li tħares l-interessi veri tal-anzjani, iżda anki lil hinn bħala l-vuċi u t-tarka tan-nanniet u l-anzjani.

Appella lill-Kunsilli Lokali biex jagħmlu użu aktar mill-kapaċitajiet u l-esperjenza tal-esperjenza, li għandhom ħafna x’joffru lill-komunitajiet tagħna. Cutajar għalaq billi rringrazzja lin-nanniet għaliex kull m’għandna fil-pajjiż huwa mertu tagħhom, u allura huwa l-obbligu tal-ġenerazzjoni preżenti li jgħaddu dak li sabu aħjar lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Indirizzi oħrajn tul is-seduta saru mill-MEP Nazzjonalista, Roberta Metsola, mill-President Fundatur tal-Fondazzjoni Nanniet Malta, Philip Chircop u l-kunsilliera Nazzjonalista fis-Swieqi, Therese Valentino, li tkellmet dwar il-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Swieqi mal-Fondazzjoni Nanniet Malta. Wara diskors konklussiv mill-iSpeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, ittieħed ritratti kommemorattiv bejn id-deputati u l-anzjani preżenti.