Lokali

Sodisfazzjoni għal bosta ideat fil-pre-budget document tal-PN

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li hemm mod aħjar, iżjed ġust u bilanċjat ta’ kif titmexxa l-ekonomija.

Fiid-dokument ta’ qabel il-budget ta’ din is-sena, il-Partit Nazzjonalista qiegħed joffri proposti biex itaffi s-sitwazzjoni ta’ min qiegħed iħoss l-għafsa kbira tal-għoli tal-ħajja. Fost il-proposti hemm dik li kull sahra u xogħol part-time jiġi ntaxxat biss sa massimu ta’ 10%.

Dwar dawn il-proposti mill-Partit Nazzjonalisti, Net News kompla jieħu aktar reazzjonijiet tal-imsieħba socjali, fosthom tad-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, Joe Farrugia.

Farrugia qal li numru ta’ ideat fid-dokument, fosthom l-ambjent, il-manifuttura, jistgħu jiġu attwati minn dan il-Gvern fil-baġit li jmiss.

Huwa appella lill-Gvern biex jipprepara lill-Maltin b’mod tajjeb għall-Brexit u li l-Gvern jikkontrolla l-ispiża rikorrenti tiegħu dejjem tiela’, żewġ affarijiet imsemmija mill-Partit Nazzjonalista.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti, Tony Zahra, qal li f’dan id-dokument, il-Partit Nazzjonalista ta widen lil dak li qed jgħidu l-unions, b’numru ta’ proposti inkużi fid-dokument.

Hawn semma it-titjib tal-prodott turistiku Malti, b’appell lill-Gvern biex jagħmel aktar ħalli l-pajjiż jibqa’ kompetittiv ma’ destinazzjonijiet oħra, u kemm jiflaħ turisti u barranin dan il-pajjiż.

Intant, il-Partit Nazzjonalsita fi stqarrija qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista qiegħed ikompli jagħfas lill-middle class u dawk li jaqgħilu l-inqas.

Dan għaliex qed iħossu morsa doppja fejn min-naħa waħda l-Gvern qiegħed iżomm il-pagi baxxi filwaqt li min-naħa l-oħra qiegħed iwassal biex il-prezzijiet jogħlew.Dan joħroġ ċar mill-istatistika maħruġa kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-istatistika uffiċċjali tal-Gvern.