F’inqas minn 12-il siegħa ddaħħlu Malta kważi 115-il immigrant.
It-Tlieta filgħodu nġiebu f’pajjiżna 67 immigrant ieħor, wara l-45 immigrant li l-awtoritajiet Maltin aċċettaw li jilqgħu fil-lejl tat-Tnejn. L-immigranti ddaħħlu kollha f’Xatt it-Tiben fil-Floriana, qabel saru l-verifiki mill-Pulizija.
Dwar il-wasla tat-Tnejn kienet l-għaqda internazzjonali u mhux governattiva Alarm Phone li t-Tnejn filgħodu appellat għall-intervent ta’ salvataġġ.
Oriġinarjament l-organizzazzjoni qalet li tinsab infurmata minn dawk abbord id-dgħajsa li fosthom hemm ukoll sebat itfal u żewġ nisa tqal.
Din l-aħħar wasla tasal biss kważi disat ijiem wara li pajjiżna rċieva tliet gruppi oħra ta’ immigranti – fil-21 ta’ Settembru. Dakinhar, tliet patrol boats kienu ġabu lejn Malta 265 immigrant waqt li fl-istess ġimgħa kien hemm ukoll erba’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ oħra, b’madwar 232 immigrant oħra.
L-ammont ta’ immigranti li nġiebu Malta mill-bidu tas-sena ‘l hawn jlaħħaq in-numru t’aktar minn 2000 immigrant, bl-ammont mistenni li jkompli jiżdied.
L-ammont dejjem ikbar ta’ wasliet f’Malta f’dawn ix-xhur wasslu biex, fi kliem il-Ministru Michael Farrugia stess, iċ-ċentri li jilqgħu l-immigranti jinsabu taħt stress.
Dawn iċ-ċentri tant huma ffullati li, ripetutament matul ix-xhur tas-sajf, kellna diversi immigranti li rnexxielhom jaħarbu miċ-ċentri waqt li ripetutament kien hemm ukoll diversi rewwixti.
L-ikbar waħda seħħet l-Erbgħa li għadda meta grupp ta’ immigranti saħansitra rnexxielhom jieħdu kontroll ta’ partijiet taċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Ħal Safi.
Intant qiegħed jintwera biċ-ċar li t-temp li kellna fl-aħħar jiem kien fattur favorevoli għall-vjaġġi klandestini. Infatti kważi jumejn ilu, f’lejl wieħed iddaħħlu 181 immigrant f’Lampedusa.
Rapporti fil-midja Taljana kienu indikaw li f’lejl wieħed biss waslu Lampedusa 7 dgħajjes tal-injam, li daħlu weħidhom fit-territorju Taljan.
//= $special ?>