Kompliet il-frustrazzjoni għal ħafna pazjenti fl-isptar Mater Dei hekk kif it-Tlieta, kienu diversi l-persuni li ġew infurmati li l-operazzjonijiet li kellhon skedati kienu ġew imħassra.
Dan hekk kif qed tkompli l-azzjoni industrijali minn naħa tal-infermiera dwar kwistjoni li żviluppat dwar l-ikel tal-isptar.
Jidher li sa kmieni filgħodu kienu diġa ġew imħassra minn tal-anqas 8 operazzjonijiet.
Id-direttivi ingħataw wara li l-Gvern baqa jinjora t-talbiet tal-infermiera u l-qwiebel dwar l-ikel fl-isptar, servizz li jintuża minn mijiet ta’ ħaddiema fl-isptar Mater Dei.
Dawn huma l-aħħar minn sensiela ta’ direttivi li taw l-MUMN lill-infermiera u l-qwiebel fl-aħħar xhur hekk kif il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tal-isptar qegħdin kull ma jmur isiru dejjem aktar diffiċli, filwaqt li l-piż tax-xogħol jibqa’ jiżdied, bl-infermiera, il-qwiebel u t-tobba jaħdmu dejjem taħt aktar pressjoni.
Sa issa, l-MUMN m’għandhiex intenzjoni li tissospendii d-direttivi taghha, sakemm il-Ministru ma jagħtix widen għat-talbiet li qed tagħmel il-Union f’isem il-membri tagħha.
//= $special ?>