Internazzjonali

Attakk qattiel ġo kulleġġ fil-Finlandja

Tal-anqas persuna tilfet ħajjitha, b’għaxra oħra jisfaw midruba, waqt inċident vjolenti ġo kulleġġ fil-belt ta’ Kuopio. Ir-rapporti minn dik il-lokalità qalu li l-uffiċjali tas-sigurtà ‘użaw l-armi tan-nar’ fl-inċident u li persuna kienet qed tinżamm arrestata.

Il-kulleġġ inkwistjoni, bl-isem Savo, jinsab fil-Herman shopping center ta’ Kuopio, bl-awtoritajiet, issa, jikkonfermaw li s-sitwazzjoni  hemmhekk kienet taħt kontroll

L-ewwel messaġġ tal-pulizija fuq Twitter ikkonferma s-sejba ta’ ‘persuna mejta’ fis-sit tal-kulleġġ iżda ma ngħatawx dettalji dwar x’wassal għall-inċident inkella xi pprovoka l-vjolenza. Il-persuna suspettata spiċċat fost il-midruba fl-attakk, bi tnejn fost il-feruti jkunu rappurtati f’kundizzjoni serja.

Il-Finlandja, fl-aħħar 12-il sena, kienet għaddiet minn żewġ attakki qattiela fuq l-iskejjel.

Dan meta, fl-2007, student fl-Iskola Għolja ta’ Jokela, qatel tmien persuni qabel ikkommetta suwiċidju — bil-każ l-ieħor, fl-2008, jinvolvi student ta’ 22 sena li kien jattendi l-iskola f’Kauhajoki u li spiċċa joqtol għaxra qabel neħħa ħajtu b’idejh.