San Ġiljan jinsabu għaddejjin b’ħidma kontinwa biex isaħħu t-tim tagħhom wara li fl-istaġun tas-sajf naqsu li jirbħu xi unur. Huma ħatru lil Dorian Pisani bħala kowċ tat-tim. Hu se jieħu post Marko Orlovic li b’hekk temm l-esperjenza mimlija suċċessi mal-klabb.
Pisani kellu karriera mill-aqwa bħala plejer ma’ Neptunes, Marsaskala u Sirens minbarra l-impenji mat-tim nazzjonali. Hu rebaħ diversi unuri fil-karriera tiegħu fosthom sitt Kampjonati tas-Sajf ma’ Neptunes bejn l-1984 u l-1993, kif ukoll il-kampjonat ma’ Marsaskala fl-1997 u Sirens fl-2000. Bħala kowċ, Pisani kellu esperjenzi ma’ diversi kategoriji taż-żgħażagħ minbarra diversi karigi ta’ kowċ ma’ Neptunes, Sirens u Exiles. Fl-istaġun li għadu kif intemm, Pisani mexxi lil Marsaskala għar-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni u n-knock-out.
Fuq in-naħa l-oħra, Orlovic kien strumentali biex ġab is-suċċessi lura fil-klabb ta’ San Ġiljan, hekk kif il-Ġiljaniżi rebħu l-ewwel kampjonat tagħhom wara nuqqas ta’ 20 sena fl-2015, f’dak li kien l-ewwel staġun ta’ Orlovic mal-klabb. Minn dakinhar, Orlovic baqa’ jibni t-tim u wassal biex riċentament San Ġiljan iddominaw l-aħħar snin. Kemm dam Orlovic fit-tmexxija, San Ġiljan rebħu l-kampjonat tas-sajf fl-2015 u fl-2017, erba’ darbiet konsekuttivi n-knock-out, tliet darbiet il-kampjonat tax-xitwa, tliet darbiet it-Tazza tal-President u ż-żewġ edizzjonijiet tal-Enemed Cup. Mhux eskluż li Orlovic jibqa’ f’pajjiżna biex imexxi klabb ieħor.
Minbarra l-ħatra ta’ Pisani, San Ġiljan ħabbru wkoll li Branko Pekovic inħatar Head Coach tan-nursery tal-klabb filwaqt li l-eks plejer tal-klabb Silvio Borg inħatar Team Manager tal-iskwadra ewlenija. Din is-sena, il-Ġiljaniżi bdew bir-rebħ tal-Enemed Cup iżda temmew it-tielet fil-Kampjonat tax-Xitwa. Fl-istaġun huma tilfu l-finali tat-Tazza tal-President u kienu eliminati fl-ewwel rawnd tan-knock-out ukoll minn Neptunes. San Ġiljan waslu sas-semifinali tal-play-offs u kienu eliminati minn Sliema.
//= $special ?>