Rapporti qed jindikaw li hafna mill-iskejjel tal-Gvern kienu milquta min-nuqqas ta’ konnessjoni ta’ internet li qed taffettwa l-lezzjonijiet tal-istudenti u l-għalliema mhux qed ikunu jistgħu iwettqu x-xogħol amministrattiv tagħhom.
Konsegwenza ta’ dan l-għalliema ma setgħux jirreġistraw l-attendenza tal-istudenti, filwaqt li ma setgħux jagħmlu użu minn sorsi ta’ taghlim li ssoltu jkunu aċċessibbli onlajn.
Din il-problema ilha għaddejja minn meta l-istudenti rritornaw lura l-iskola l-ġimgħa li għaddiet. Problema li qed tkompli żżid ma’ diversi problemi oħra li qed jaffaċċjaw l-istudenti fosthom in-nuqqas ta’ għalliema, it-trasport kif ukoll klassijiet fi stat ħażin.
Meta kkuntattjat mill-ġurnal Times of Malta, kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni t-Tnejn saħaq li l-problema kienet solvuta, iżda milli jidher din il-problema għadha qed tippersisti. B’rabta ma’ dan il-Union tal-Edukaturi Professjonisti kitbet formalment lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex ikun hemm assigurazzjoni cara.
Id-Direttur tal-UPE Rita Catania qalet li din il-problema qed taffettwa lill-għalliema fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum. Għalhekk jekk dan in-nuqqas jippersisti, il-UPE se jkollha tirrikorri għal azzjonijiet industrijali.
Ċerti suġġetti jirrikjedu l-użu ta’ materjal audio-viżiv u l-użu tal-internet, għalhekk nuqqas ta’ konnessjoni tal-internet qed ikun ta’ detriment għall-istudenti biex ikunu jistgħu jifhmu s-suġġett aħjar.
Intant, fl-iskola Medja tal-Kulleġġ San Thomas Moore li tinsab f’Ħal Taxien, ġimgħa wara li bdiet sena skolastika ġdida, għadhom qed isiru xogħolijiet ta’ manutenzjoni b’detriment għas-saħħa tal-istudenti.
Min-naħa l-oħra jidher li f’diversi skejjel, għadha tippersisiti l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema, tant li l-istudenti qed ikollhom ħafna free lessons. Ġenituri li tkellmu magħna saħqu li fil-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke, mill-bidu tas-sena skolastika s’issa, it-tfal tagħhom għadhom ma kellhomx lezzjoni waħda tal-Chemistry.
//= $special ?>