Lokali Qorti

“Il-Gvern kaxkar saqajh” – il-President tal-Kamra tal-Avukati

Il-Gvern reġa naqas li jilleġiżla l-abbozz ta' Liġi li jirregola l-professjoni tal-Avukatura

Minkejja l-wegħdiet tal-Gvern l-abbozz ta’ Liġi li jirregola l-professjoni ta’ l-avukatura, li dwar kien hemm qbil mill-istess Gvern, reġa’ ma tax id-dawl tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Dan l-abbozz għandu jkun mhux biss il-prijorità għall-Kamra tal-Avukati iżda wkoll għall-Gvern ta’ Malta u dan għal diversi raġunijiet.

Żgur li dan l-aħħar il-pubblikazzjoni tar-rapport Moneyval, ix-xahar li għadda għandu jkun raġuni mill-aktar konvinċenti. Dak ir-rapport sab li waħda mid-defiċjenzi prinċipali fl-istruttura legali ta’ pajjiżna, u li jikkunsidra ta’ riskju sinifikanti, hija propju n-nuqqas ta’ liġi li tirregola l-professjoni legali u li Malta m’għandix miżuri ta’ fit and properness testing fil-professjoni legali, kemm qabel ma’ persuna ssir avukat u anke wara.

Dan kien il-ġist tad-diskors tal-President tal-Kamra tal-Avukati, Louis De Gabriele waqt il-ftuħ tas-sena Forensi 2019-2020 quddiem għadd ta’ persuni distini fosthom il-President ta’ Malta George Vella, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, l-Kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika George Hyzler, l-Imħallfin, Maġistrati kemm preżenti u anke wħud irtirati.

Il-President tal-Kamra tal-Avukati qal li fuq din il-bażi il-konklużjoni li jasal għaliha r-rapport Money Val hija li Malta m’għandix ir-rekwiżiti adegwati fil-kamp tal-professjoni legali u li dan jikkostitwixxi riskju sinifikanti.

Kompla jgħid li l-abbozz ta’ liġi propost mill-Kamta tal-Avukati u maqbul mal-Gvern huwa għalhekk opportunità unijka biex il-Gvern jirrispondi għal din il-kritika b’mod determinat u mmedjat – u dan billi juri d-determinazzjoni tiegħu b’mod robust u fil-pront, li jirreaġixxi għal waħda mill-kritiċi prinċipali li saru fl-istess rapport – billi jimplimenta l-miżuri neċċessarji li jindirizza in-nuqqassijiet rilevati billi jintroduċi l-liġi li tirregola l-avukati.

L-abbozz jindirizza propju kull waħda mid-defiċjenzi msemmija fir-rapport, u jmur ake oltrè, għaliex bl-introduzzjoni tal-istruttura regolatorja kontemplata fl-abbozz inkunu ħejjejna pedament trasparenti u koerenti biex f’każ ta’ bżonn, ikunu jsitgħu jittieħdu f’qasir żmien, miżuri ulterjuri u regolatorji.

Il-President tal-Kamra tal-Avukati qal li fil-konfront ta’ dan l-abbozz, dak kollu li l-Kamra kellha tagħmel, b’paċenzja, b’maturità u b’amor propju lejn il-professjoni u b’sens ta’ responsabbilità bħala organu essenzjali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja għamlitu – issa jmiss lill-Gvern u l-volontà politika li tressaq dan l-abbozz fil-Parlament.