Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jiltaqa’ mal-Ambaxxatriċi Żvediża Cecilia Bjorner

 Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ltaqa’ mal-Ambaxxatriċi tal-Iżvezja għal Malta Cecilia Björner waqt laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. 

Matul din il-laqgħa, Dr Delia qal li l-Iżvezja huwa pajjiż Ewropew modern u li għandu għal qalbu l-ħarsien tal-ambjent, li jista’ jgħin lil Malta kemm fl-innovazzjoni kif ukoll fl-enerġija rinovabbli, b’mod speċjali  dik li tiġi ġġenerata mir-riħ. Dan meta sfortunatament pajjiżna jinsab ferm lura milli jilħaq il-miri ambjentali stabbiliti. Ġew diskuss ukoll temi oħrajn fosthom l-investiment li sar f’pajjiżna minn bosta kumpaniji Żvediżi, f’setturi li saru minn Gvernijiet Nazzjonalisti bħas-servizzi finanzjarji u l-igaming, liema setturi llum huma pilastri tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Ġiet diskussa wkoll il-ħbiberija li teżisti bejn Malta u l-Iżvezja, bħala pajjiżi Ewropej u membri tal-Unjoni Ewropea u li niddiskutu u nħarsu lejn il-mudell Nordiku fir-rigward tal-prostituzzjoni flok leġislazzjoni. 

Għal din il-laqgħa mal-Ambaxxatriċi Żvediża Cecilia Björner, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.