Internazzjonali

It-Taljani b’multi ħorox għal min jabbuża bl-IpTV

Il-Kampjonat Serie A Taljana ddikkjarat gwerra kontra x-xandir televiżiv illegali tal-partiti tal-kampjonat.

Dan hekk kif id-direttur tal-Lega Taljana Luidi De Siervo saħaq li s’issa l-klabbs Taljani tilfu aktar minn biljun ewro, liema flus minflok qed imorru fil-bwiet tal-kriminalità organizzata hekk kif iċ-ċittadini qed jaraw l-hekk msejjaħ xandir pirata, permezz ta’ fost oħrajn l-IPTV.

Huwa appella lill-pubbliku sabiex jifhem li din mhux bravura ta’ każ li jekk ma tidħolx mill-bieb tidħol mit-tieqa, iżda huwa att kriminali.

De Siervo sostna li fil-ġimgħat li ġejjin il-persuni responsabbli wara dan kollu ser jissemmew wieħed wieħed u ser iħallsu multi biz-zalza.

Huwa spjega li fuq l-internet xejn m’huwa moħbi u sigriet, dan ifisser li kull min, b’xi mod jew ieħor, għandu x’jaqsam ma’ dawn l-affarijiet ser jinqabad fuq is-servers, b’garanzija li ssib il-pulizija wara l-bieb.

De Siervo saħaq li ċ-ċittadini jistgħu jeħlu bejn €2,500 u €26,000. Dan kollu b’rabta ma investigazzjoni li ilha għaddejja x-xhur.