Internazzjonali

Iżrael: Netanyahu iħejji biex jiffaċċja l-problemi legali…

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, se jibda jiffaċċja sensiela ta’ smigħ ‘ta’ qabel ġuri’ li fihom jipprova jipperswadi lill-Avukat-Ġenerali ta’ Iżrael biex ma jippersistix b’mandati ta’ akkuża dwar korruzzjoni fil-konfront tiegħu.

Netanyahu hu l-aktar Prim Ministru Iżraeljan li dam fil-kariga u qed jiċħad għal kull aġir illegali jew kriminali. Intant, il-futur politiku tiegħu spiċċa ‘imċajpar’ wara li Netanyahu naqas li jikseb rebħa ċara fiż-żewġ elezzjonijiet parlamentari ta’ April u tax-xahar li għadda. ‘Il quddiem, hu jista’ jiffaċċja akkużi dwar frodi, abbuż ta’ fiduċja u rikatt li, allegatament, seħħew waqt li hu kien f’pożizzjoni ta’ awtorità,

Bħala Kap tal-Partit Likud, Netanyahu qed imexxi gvern proviżorju wara r-riżultat inkonklussiv tas-17 ta’ Settembru, Iżda waqt li hu qed ipprova jibni koalizzjoni għall-għaqda nazzjonali mar-rivali kbir, Benny Gantz, tal-aħħar għamilha ċara li mhux se jservi f’kabinett immexxi minn Prim Ministru ‘li qed jiffaċċja mandat ta’ akkuża dwar reat.’

Intant, il-proċess tas-smigħ jagħti opportunità lill-avukati tal-Prim Ministru biex jargumentaw kontra l-akkużi prospettivi waqt li jikkonvinċu lill-avukat-ġenerali biex inaqqashom jew iwarrabhom għal kollox.