“F’pajjiż fejn l-unika riżorsa li għandna hija r-riżorsa umana, l-edukazzjoni hija investiment imprezzabbli. Matul iż-żmien, gvernijiet f’pajjiżna għarfu dan kollu u investew bil-kbir biex jipprovdu edukazzjoni b’xejn lil uliedna. Sfortunatament ma jistax jingħad l-istess għall-Gvern preżenti li mhux jinvesti b’serjeta’ fl-edukazzjoni u lanqas jagħtiha l-importanza li jisħoqqilha.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ta d-dettalji tal-proposti għall-edukazzjoni li l-PN fassal fil-Pre Budget Document, li nieda l-ġimgħa li għaddiet. “F’pajjiżna jeħtieġ li nerġgħu nsaħħu r-rabta bejn is-sistema edukattiva u d-dinja tax-xogħol. Dan meta fil-preżent mhix qed issir, u l-aqwa postijiet tax-xogħol f’pajjiżna qegħdin imorru għand ħaddiema barranin. Fatt li għaraf l-istess Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo.”
Adrian Delia għamel referenza għall-early school leavers, meta Malta tinsab ferm ‘il bogħod milli tilħaq il-mira ta’ 10%. Fl-2018, ir-rata tal-early school leavers naqset biss b’0.2%, l-inqas tnaqqis matul dawn l-aħħar snin. Sfortunatament, pajjiżna jinsab lura wkoll fil-miri tal-litteriżmu fejn qegħdin inħabbtuha mal-faxxa ta’ isfel fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, l-ikbar theddida li qed taffaċċja s-sistema edukattiv f’pajjiżna hija li mhux qed ikollna biżżejjed għalliema. Dan meta inqas u inqas studenti Universitarji qegħdin jagħżlu li jmorru għalliema.
Fil-preżent, l-għalliema jinsabu demotivati, b’aktar minn nofshom jinsabu lesti li jitilqu din il-professjoni jekk isibu opportunitajiet ġodda. Uliedna rritornaw fi klassijiet mitluqa u oħrajn li raw il-bidu tas-sena skolastika tagħhom jieħdu t-tagħlim mill-kontejners minħabba n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern Laburista. L-edukazzjoni hija waħda mill-vittmi tal-mudell ekonomiku tal-Gvern, li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan. Ir-realtà iżda hi meta l-edukazzjoni tispiċċa vittma, s-soċjetà kollha tbati u tispiċċa vittma, s-soċjetà kollha tbati u tispiċċ vittma hi wkoll.
Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli ta d-dettalji dwar il-proposti tal-edukazzjoni tal-PN fil-Pre Budget Document. Dawn il-proposti jinkludu fost l-oħrajn: Il-Gvern għandu jiddedika aktar riżorsi għar-riċerka fl-edukazzjoni. Ippjanar fit-tul huwa meħtieġ fl-iżvilupp tas-sistemi edukazzjoni li jilħqu l-ħtiġijiet tas-soċjetà li qed tevolvi. Sforz akbar fl-iżvilupp tal-abbiltajiet u l-ħiliet tal-istudenti, biex jikbru u jagħmlu suċċess, f’dinja tax-xogħol li hija aktar kompetittiva.
L-għalliema għandhom jingħataw aktar assistenza u għajnuna sabiex jegħlbu l-istress li qegħdin jaffaċċjaw bit-tibdil kollu fil-professjoni tagħhom. Il-Gvern għandu jintroduċi qafas legali bilanċjat li jinkludi l-garanziji kollha meħtieġa sabiex l-għalliema jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom mingħajr biża, intimidazzjoni jew jiġu sfurzati. L-għalliema u l-akkademiċi jistħoqqilhom u għadu jingħatalhom ir-rispett li jixirqilhom. Il-Gvern għandu jiddedika aktar riżorsi biex jissaħħu l-faċilitajiet edukattivi. Għandu jingħata ferm aktar attenzjoni fil-livell ta’ kinder u dak primarju, speċjalment meta diffikultajiet li jiżviluppaw u jidhru aktar tard, huma side-product ta’ dawn is-snin ferm fundamentali għall-iżvilupp. Għandu jkun hemm korrelazzjoni u kontinwazzjoni aħjar bejn l-istadji u s-setturi differenti tal-edukazzjoni. Id-deċiżjonijiet kollha dwar l-appuntar u promozzjonijiet f’dan is-settur għandhom ikunu bbażati kollha fuq il-meritokrazija.
Il-Gvern għandu joħroġ sejħa għal kull post-doc grants. Dan meta l-aħħar sejħa ta’ din ix-xorta kienet saret fl-2015 u qatt ma kienu ħarġu aktar sejħiet għal post-doc researchers. Post-doc grants jilħqu riċerkaturi ta’ profil għoli u jinkoraġġixxu r-riċerka f’oqsma strateġiċi meħtieġa għal pajjiżna.