Internazzjonali

Jikkrolla pont fit-Tajwan

Pont tal-azzar fuq bajja fit-Tajwan ikkollassa fejn mill-inqas 11-il persuna huma maħsuba nieqsa jew għadhom maqbuda.

Il-Pont bl-isem ta’ Nanfangao – attrazzjoni turistika f’Yilan – ikkrolla dalgħodu waqt li trakk taż-żejt kien għaddej minn fuqu.

Il-vettura u t-triq tal-pont waqgħu fuq diversi dgħajjes li kienu fil-port tas-sajd. Filmati fuq midja soċjali urew il-mument meta l-pont bit-trakk fuqu waqa’ fl-ilma.

Aktar minn 60 persuna, inklużi għaddasa, huma involuti fl-operazzjoni ta’ tiftix ta’ salvataġġ. Jidher li sitt persuni jinsabu maqbuda fuq wieħed mill-bastimenti, filwaqt li ħamsa huma maħsuba li kienu fuq il-pont fil-mument li waqa’. Aktar minn 10 persuni ttieħdu l-isptar għal aktar kura, b’sitta minnhom bi ġrieħi serji.

Mal-ewwl bdiet investigazzjoni biex tiġi stabbilita l-kawża tal-inċident, li ġara sigħat wara tifun kaxkar partijiet mill-gżira.