Iċ-Ċimiterju tat-Torok spiċċa fi kwistjoni hekk kif bosta persuni, kemm Maltin kif ukoll barranin huma kontra l-pjanijiet li jinbnew garaxxijiet u mħażen ma’ ġenb dan iċ-ċimiterju storiku fil-Marsa.
Dan hekk kif hemm il-pjani li biswit iċ-Ċimiterju magħruf bħala tat-Torok, li nbena lura fl-1867, isir dan l-iżvilupp – liema pjan inkorla saħansitra anke t-Torok tant u hekk li l-każ spiċċa fuq ġurnal ta’ Istanbul.
L-Ambaxxata Torka f’Malta sostniet mal-Awtorità tal-Ippjanar, li fil-passat diġà saħqet kemm-il darba li l-iżvilupp industrijali biswit dan is-sit huwa inkompatibbli. Dan hekk kif fil-passat kien pjanat ukoll li tinbena pompa tal-petrol u car wash.
Fondazzjoni Wirt Arta flimkien ma’ Din l-Art Ħelwa ukoll oġġezzjonaw għal dan il-pjan fejn iddeskrevewh bħala wieħed li ser ikollu impatt negattiv fuq ġawhra arkitettonika bħal din.
Dan filwaqt li Fondazzjoni Wirt Arta ħarġu bil-proposta li l-bini abbandunat li hemm ma ġenbu jitwaqqa’ u jitneħħa wkoll l-għaliex il-binja, li preżentament titmexxa mill-Gvern Tork, kienet mibnija sabiex tidher u mhux biex tinħeba wara l-bini.
Intant, l-Awtorità tal-Ippjanar mistennija tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni sal-aħħar ta’ Novembru li ġej.
//= $special ?>

