Edukazzjoni Lokali

L-Akkademiċi rrabjati għaċ-ċensura fl-Università

L-Assoċjazzjoni tal-Akkademiċi fl-Università ta’ Malta (UMASA) permezz ta’ stqarrija insistew li huma se jibqghu jagħtu kull sapport lil-libertà tal-espressjoni, kemm tal-istaff u kif ukoll tal-istudenti.

Din l-istqarrija ħarġet wara li t-Tnejn kien hemm deċizzjoni kontroversjali mill-Amministrazzjoni tal-Università, fejn permezz ta’ stqarrija ddefendiet lill-uffiċjali tas-sigurtà li waqfu lill-istudenti milli jilbsu maskli tal-Ministru tat-Transport Ian Borg u tal-President tal-MDA – maskli li kienu se jintużaw fil-kampus tal-Università fl-ewwel jum ta’ Freshers’ Week.

Ritratt: Facebook

Ġie rrappurtat li l-uffiċjali qalu lill-istudenti li protesti politiċi mhux aċċettati fl-Università, stqarrija mill-gwardji li ġiet deskritta minn ħafna bħala waħda ġdida.

Fuq dan l-istudenti preżenti nsistew li m’għamlu xejn ħażin għajr biss li wrew it-tħassib tagħhom fuq il-qerda ambjentali li qed issir f’pajjiżna. 

Fl-istqarrija tagħhom l-Akkademiċi qalu li huma jinkoraġixxu u jemmnu f’dibattiti politiċi. Huma sostnew li l-Università ghandha tkun eżempju ta kif għandha tkun soċjetà taħt Gvern demoktariku.

Il-letturi komplew billi qalu li huma jemmnu li hija r-responsabbiltà tagħhom li jedukaw u jagħtu taħriġ lill-mexxejja ta’ għada u huwa għalhekk li l-edukazzjoni fl-Università għandha tinvolvi s-sens ċiviku, u li l-istudenti jkunu konxji ferm aktar tal-qagħda politika ta’ madwarhom.

Fost dawk li esprimew ir-rabja tagħhom għal dak li seħħ fl-Università kien hemm il-Moviment Żgħażagħ tal-PN (MŻPN),  u kif ukoll il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU).

Dwar dan tkellem ukoll il-Kap tal-PN Adrian Delia fejn iddeskriva s-sitwazzjoni bħala inaċċettabbli, u mhux demokratika.