Raġel ta’ 23 sena mixli bi stupru ngħata l-libertà proviżorja wara li dam xahar taħt arrest preventiv. Martin Antevski, li jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà fuq bażi part-time kien ġie mixli li stupra mara ta’ 22 sena f’Awwissu li għadda.
Huwa kien ġie arrestat fuq il-Katamaran meta dan kien fir triqtu lejn Sqallija. Meta kien tressaq il-Qorti huwa kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-Avukat tiegħu Lennox Vella, kien ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-akkużi kienu jmorru lura xahar u li l-Pulizija kellhom biżżejjed żmien biex jiġbru l-provi.
Il-vittma kienet xehedet ukoll f’inkjesta Maġisterjali li kien ġiet appuntata ftit wara l-allegat reat, qal l-Avukat. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja, fejn kienet qalet li jkun ta’ riskju jekk dan jingħata l-ħelsien fejn anke peress li kien qed jaħdem illegalment f’Malta.
Kważi xahar minn wara li tressaq il-Qorti, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li kienet qed tippresiedi l-Qorti tal-Appell Kriminali, laqgħet l-appell u ordnat li Antevski jinħeles fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa u jirtira kmieni d-dar.
//= $special ?>