Kunsilli Lokali Lokali

Pjazza f’Ħaż-Żebbuġ titħalla “nofs leħja” għal xhur

B’mod regolari Net News qed jibqa’ jirċievi lmenti kontinwi ta’ xogħol li beda kważi ħames xhur ilu, f’Ġunju, u li għadu ma tkompliex jew qed jitkompla issa b’ritmu bil-mod hafna.

Morna din id-darba fil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ fi Pjazza Mikelanġ Sapiano u fil-madwar; xogħol li kien beda f’Ġunju, fejn ghal Sajf shih ma sar assulutament xejn.

Residenti li tkellmu magħna qalulna li s-sitwazzjoni ma kellhiex tasal fi stat daqshekk prekarju biex jitkompla x-xogħol. Iż-Żebbuġin qalulna li kien hemm anki partijiet li huma ta’ periklu għal dawk li jgħaddu bil-vetturi tagħhom fiz-zona, fejn għadu jkun fid-dlam fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

L-istess sfortuna laqtet l-istatwa li hemm fil-pjazza ta’ Santa Marija u kif ukoll il-vara ta’ Santa Marija fejn f’Awwissu li għadda għaddiet mit-toroq tal-inħawi fid-dlam.

Ninsabu infurmati wkoll li fil-post kien hemm żewġ siġar protetti, li bil-mod kif inqalgħet il-pjazza fil-bidu, issa mietu mewta naturali. B’qerda wkoll ta’ numru ta’ xtieli li kienu ħawlu r-residenti.

Issa li bdiet l-iskola, nies fil-post qalulna li anki kien hemm bus shelter li kienu joqgħodu taħtu numru ta’ studenti, dan issa telaq totalment, bl-istudenti m’għandhom l-ebda kenn mix-xemx u lanqas mix-xita.

Dwar dan Net News jinsab infurmat li kien wara insistenza tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħaż-Żebbuġ li issa fl-aħħar tkompla x-xogħol.

Fl-aħħar jiem Net News żar numru ta’ toroq anke f’Għawdex fejn hemm probelmi kbar u xoghol wieqaf, b’bosta toroq imwegħda mill-Gvern Laburista f’Għawdex tħallew nofs leħja, b’xogħolijiet mibdija ta’ malajr u issa l-ebda ħaddiema ma jidhru fihom.

Ix-xogħol mhux lest qed joħloq numru ta’ inkonvenjenti għar-residenti. U dan  spiss qiegħed isir mingħajr ma jitwaħħlu t-tabelli ta’ diversions meħtieġa biex b’hekk anki qed tinħoloq ukoll konġestjoni ta’ traffiku f’numru ta’ toroq Maltin.