Gruppi ta’ dimostranti nġabru f’Girona biex jimmarkaw it-tieni anniversarju tal-vot ‘ipprojbit’ għall-indipendenza tar-reġjun tal-Katalonja mill-bqija ta’ Spanja.
Waqt id-dimostrazzjonijiet seħħew l-inċidenti, inklużi konfronti mal-pulizija, bit-tensjoni politika qed terġa’ tirranka rigward l-impenn lejn ‘Katalonja indipendenti’ li qed jifred lill-poplu.
Saru wkoll avvenimenti biex ifakkru r-referendum fil-belt ta’ Barċelona.
It-tensjoni bejn is-separatisti fir-reġjun u t-Tmexxija f’Madrid irrankat wara li l-qorti għolja fi Spanja kundannat il-ħabs lil seba’ attivisti (separatisti) Katalani. Wara l-kundanna, il-Parlament reġjonali kien addotta riżoluzzjoni li appoġġjat kampanja għal diżubbidjenza ċivili.
Il-protesti, intant, għandhom juru s-saħħa tas-separatiżmu Katalan li ilu s-snin jimponi sfida kbira lil Spanja. Dan minbarra li xpruna l-kriżi politika kbira tal-2017, meta r-reġjun kien iddikjara l-indipendenza għal ftit żmien, qabel ‘l-intervent’ minn Madrid.
Il-moviment separatista, s’issa, żviluppa b’mod paċifiku iżda s-sitwazzjoni saret inċerta wara l-arrest, il-ġimgħa l-oħra, tas-seba’ attivisti li allegatament kienu qed jippreparaw ‘l-azzjonijiet vjolenti’ fost forom oħra ta’ protesti. Id-dimostrazzjonijiet tal-1 ta’ Ottubru qed isiru wkoll qabel il-verdett (li mistenni jingħata fi żmien ġimgħatejn) dwar il-mexxejja separatisti li kienu arrestati fl-2017 dwar ir-rwol tagħhom fit-tentattiv fallut għal Katalonja indipendenti.
Id-dikjarazzjoni tal-indipendenza ineffettiva — minbarra d-deċiżjoni tal-Gvern Spanjol biex iwarrab lill-awtoritajiet reġjonali u jmexxi direttament lill-Katalonja għal xhur – għadha tiddomina l-politika fuq livell nazzjonali.
L-Aġent Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, qal, issa, li Madrid mhux se jaħsibha darbtejn biex jimplimenta mill-ġdid it-tmexxija diretta għall-Katalonja f’każ li l-amministrazzjoni reġjonali tikser xi liġijiet, iżda awgura li ‘ma jkollhomx għalfejn jaslu għal dan il-punt’.
Il-mexxejja separatisti s’issa ma kundannawx lill-attivisti arrestati dwar ‘il-pjani għal azzjonijiet vjolenti’ filwaqt li qalu li l-awtoritajiet f’Madrid iridu jpittru lis-separatisti Katalani bħala ‘moviment vjolenti’…Xi ħaġa li huma qegħdin jiċħdu għaliha.
//= $special ?>