Lokali Qorti

Tifel ta’ 15-il sena mixli bi tmien serqiet minn djar

Tifel ta’ l5-il sena li ġie akkużat bi tmien serqiet, l-aktar minn appartamenti ngħata l-ħelsien mill-arrest. Huwa tressaq il-Qorti mixli li wettaq dawn is-serqiet u dan fi flus kontanti kollha minn residenzi f’Wied il-Għajn, il-lokalità fejn huwa joqgħod, liema serqiet seħħew matul ix-xhur ta’ Awwissu u Settembru li għadda.

Iż-żagħżugħ, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, u dan għax għadu taħt l-età wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Permezz tal-Avukat tiegħu huwu talab li jingħata l-libertà proviżorja, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ li jiġu ntraċċati l-provi.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli staqsiet lit-tifel jekk imurx l-iskola, u huwa wieġeb u ddikjara li ma jmurx u qal li “suppost kellhom jitfgħuni l-iskola tal-Ħamrun, iżda bagħtux għalija.”

Wara li semgħet it-trattazzjoni tad-Difiża u l-Prosekuzzjoni għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti laqgħet it-talba taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma fl-għassa tal-lokal darba fil-ġimgħa u fuq garanzija personali ta’ €2,000.

Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tad-Difiża biex isir ‘social inquiry report’ fil-konfront tat-tifel filwaqt li poġġietu taħt ordni ta’ supervizżjoni. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Oriana Spiteri u Mario Xiberras filwaqt li għaż-żagħżugħ dehret l-Avukat tal-Għajnuna Legali Graziella Tanti.