Ewropa Lokali

Vot li jkompli jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna – Adrian Delia

Il-vot kważi unanimu kontra Malta fil-Kumitat Legali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, huwa vot li jkompli jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u ta’ dan jaħti l-Gvern ta’ Joseph Muscat li, quddiem l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jibqa’ jkaxkar saqajh minflok jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex issir ġustizzja malajr kemm jista’ jkun.

Kien l-Ażerbajġan biss li vvota mal-Gvern ta’ Joseph Muscat biex ma ssirx inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia skond il-kriterji tal-istess Kunsill tal-Ewropa.

Dan qalu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-dawl tal-messaġġ ċar li ta il-Kunsill tal-Ewropa permezz tal-vot li ħa lbieraħ.

Adrian Delia kompla jgħid li l-Kunsill tal-Ewropa kixef l-ingann tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li ħela l-aħħar tliet xhur iqarraq bil-poplu jgħid li kien qed jikkonsulta mal-Kunsill tal-Ewropa fuq it-termini ta’ referenza u lkompożizzjoni tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika, meta issa nafu li dan ma jistax kien minnu għax il-Kunsill tal-Ewropa kkritika t-termini ta’ referenza u l-mod li bih hi magħmula l-Inkjesta li ħatar Joseph Muscat.

Il-Kap tal-Partit Nazzonalista tenna l-appell tiegħu, kif ilu jagħmel fil-Parlament għal xhur sħaħ, biex il-Gvern Malti jagħmel dak li hu sewwa.

Hemm bżonn issir ġustizzja mingħajr aktar dewmien. Inqatlet ġurnalista. Ingħatat daqqa kbira lir-reputazzjoni ta’ Malta. M’hemmx lok għal aktar tkaxkir tassaqajn, temm jgħid Adrian Delia.