Lokali

1% ta’ persuni b’kanċer fis-sider huma rġiel

Kont taf li 1 fil-mija tal-irġiel jinstab li jkollhom kanċer fis-sider.

Dan ħareġ waqt attività organizzata mill-Action for Breast Cancer Foundation, li matulha kien imniedi filmat informattiv biex wieħed jagħraf is-sintomi ħalli jfittex jieħu azzjoni.

Fl-attività, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Esther Sant spjegat li kull sena, jirriżultaw madwar 300 każ ta’ persuni li għandhom din il-marda.

Kien hawn fejn spjegat li 3 minn dawn it-300 jirriżulta li jkunu rġiel, kif ukoll li bejn 5 u 10 fil-mija jkunu każi ġenetiċi.

Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Malta qal li fl-aħħar snin, huma ħafna dawk li qed jaċċettaw l-istedina li qed issirilhom biex jagħmlu t-testijiet relatati mal-ġlieda kontra dan il-kanċer. U dan il-fatt, ikompli jagħmlilna kuraġġ għax hemm bżonn ta’ aktar kuxjenza biex il-kanċer jinqabad kmieni kemm jista jkun.

Il-President ta’ Malta kompla li l-qraba tal-pazjenti jkunu involuti ħafna f’każijiet bħal dawn, kif ukoll li l-pajjiż illum sar kapaċi jegħleb aktar l-istigma li ġġib miegħu din il-marda.

Il-filmat imniedi llum hu magħmul mit-testimonjanzi ta’ persuni li rnexxielhom jegħlbu l-kanċer fis-sider u anke minn għadd ta’ professjonisti, li jgħinu lill-vittmi u lil dawk qrib tagħhom.

Dwar dan, il-President ta’ Malta appella biex filmat bħal dan jitqassam ukoll lill-istudenti biex, anke huma, ikunu jistgħu jxerrdu aktar il-kuxjenza fil-ġlieda kontra din il-marda.