Illum, fi Strasburgu, qed jiġi ċċelebrat is-70 anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsill tal-Ewropa.
Għal dan il-għan, fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici, mill-Membru fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa Jason Azzopardi u mis-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight, il-Partit Nazzjonalista fakkar mill-ġdid il-ġid li sar minn din l-organizzazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll li pajjiżna ilu membru fil-Kunsill tal-Ewropa mill-1965, grazzi għall-viżjoni fit-tul ta’ Ġorġ Borg Olivier bħala Prim Ministru. Minn din il-viżjoni nbena l-proċess lejn Ewropa magħquda, b’boxxla soċjali li tipproteġi u tħares id-dinjità tal-bniedem.
Mertu ta’ ħidmet diversi politiċi, illum għandna vantaġġi kbar li bihom kabbarna t-tessut demokratiku u d-difiża tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Fortunatament, pajjiżna ħa u għadu jieħu diversi beneffiċċji biex jimxi ‘l quddiem.
Il-Partit Nazzjonalista qal li għalhekk, hu importanti li filwaqt li jiġi affermat dan kollu, jappellaw bis-sħiħ lill-Gvern biex jagħti każ sew u jimplimenta, minflok jaħrab, ir-rapporti li jirċievi regolarment. U għalhekk li jawgura u jittama li din il-ħidma tkompli ħalli jkun assigurat li pajjiżna javvanza aktar fil-progress demokratiku u l-ġustizzja soċjali.
//= $special ?>