Rugby Sport

Franza taċċerta mir-rebħa lejn it-tmiem u tikseb it-tieni rebħa f’Pool Ċ

(Ritratt: World Rugby)

Franza kisbet it-tieni rebħa f’Pool Ċ iżda kellha bżonn tries lejn it-tmiem biex għelbet l-isfida tal-Istati Uniti 33-9. Din ir-rebħa tpoġġi lill-Franċiżi punt wara l-Ingilterra. Il-kowċ Franċiż Jacques Brunel għamel 12-il bidla mit-tim li rebaħ 23-21 kontra l-Arġentina.

Tries fl-ewwel 24 minuta ta’ Yoann Huget u Alivereti Raka taw vantaġġ ta’ 12-3 iżda żewġ penalties ta’ AJ MacGinty żammew lill-Amerikani fil-logħba għal skor ta’ 12-9 bi kwarta għat-tmiem. Tries minn Gael Fickou u Baptiste Serin serrħu ras il-kowċ Franċiż, b’Jefferson Poirot jagħmel try ieħor fl-aħħar sekondi biex kiseb punt żejjed u ta xejra differenti kif kienet il-logħba.

Franza tilgħab il-Ħadd li ġej kontra Tonga f’Kumamoto filwaqt li l-Istati Uniti tilgħab l-Erbgħa 9 ta’ Ottubru kontra l-Arġentina f’Kumagaya.