Hemm bżonn li l-kittieba jingħataw salarju raġonevoli sabiex f’Malta l-kitba tiġi rikonoxxuta bħala professjoni.
Hekk sostiet il-Fondazzjoni HELA (Hub for Excellence in the Literary Arts) f’ħames proposti preżentati għall-budget 2020. Dan kollu bil-għan u t-tama li l-Gvern jirrikonoxxi aktar il-professjoni tal-kittieba Maltin.
Fl-ewwel proposta ntqal li hemm bżonn li tingħata għajnuna finanzjarja lill-ħwienet tal-kotba, ankè onlajn, bil-għan li jkollhom postijiet adegwati għall-bejgħ kif ukoll sabiex jipromwovu l-letteratura Maltija. Dan filwaqt li spjegaw li hemm bżonn li jingħataw inċentivi sabiex jiffavorixxu l-bejgħ tal-ktieb Malti kif ukoll l-għoti ta postijiet ċentrali preżentament f’idejn il-Gvern, bil-għan li jiġu użati għall-bejgħ tal-kotba.
Il-Fondazzjoni insistiet li hemm bżonn ta’ skema li permezzha l-kittieb Malti jkollu salarju raġonevoli sabiex il-kittieba jkunu jistgħu jaħdmu fuq bażi ta’ full-time fuq ix-xogħol letterarju – xi ħaġa li diġà sseħħ f’numru ta’ pajjiżi oħra Ewropej. Għaldaqstant qed jiġi propost fost oħrajn li l-ewwel nett il-kitba tiġi rikonoxxuta bħala professjoni grazzi għall-imsemmi salarju. Huma proponew li l-kittieba jissottomettu l-pjan tas-sena tagħhom b’kuntratt li jkun jista jiġġedded għal massimu ta’ 3 snin.
Ġie propost ukoll li jiġu provduti inċentivi fiskali fuq il-produzzjoni tal-kotba letterarji – bil-għan li jsaħħu l-kwalità u l-produzzjoni tal-ktieb Malti. Dan ifisser titjib fejn għandu x’jaqsam fost oħrajn; id-disinn, l-istampar u t-traduzzjoni – sabiex f’pajjiżna jintlaħqu l-istandard ta’ barra minn xtutna.
Il-Fondazzjoni proponiet li jingħataw inċentivi, rikonoxximent finanzjarju xieraq, lil min jikteb jew anke jitraduċi artikli kulturali – sabiex jiġi xprunat il-ġurnaliżmu lokali. Huma saħqu li għandhom jingħataw inċentici lill-gazzetti lokali sabiex iżżid il-kwalità tal-kitba kulturali fil-ġurnali Maltin. Dan filwaqt li proponew li l-fondi għandhom jingħataw ukoll sabiex jiġu pubblikati rivisti tal-proża u l-poeżija kif ukoll inċentivi bil-għan li l-ġurnalisti jitħarrġu fil-kitba ta’ reviews tal-kotba.
Fl-aħħar u mhux l-inqas ġie propost li jingħataw fondi bil-għan li l-ktieb jingħata l-importanza li tixraqlu. Għaldaqstant intalbu fondi sabiex fil-librerji Maltin ikun hemm spazji kulturali u jsiru aktar attraenti li jiġbdu lejhom lil kulħadd
Il-Fondazzjoni proponiet lill-Gvern ukoll li l-librerija ċentrali ta’ Belt is-Sebħ tiġi ristrutturata kif jixraqilha. Huma temmew jgħidu li fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum il-libreriji ċentrali fl-Ewropa huma l-ġmiel tagħhom hekk kif joffru saħansitra teatru, spazji ta’ riċerka u kaffetterija – affarijiet li f’pajjiżna għadna ferm ‘il bogħod minnhom.
//= $special ?>

