Lokali

Il-PN irid soċjetà msejsa fuq l-ugwaljanza f’kull settur

Il-Partit Nazzjonalista hu kommess favur soċjetà Maltija u Ewropea msejsa fuq l-ugwaljanza. Kien f’dan l-ispirtu u fl-interess nazzjonali li l-PN ħadem fuq livell Ewropew biex jikseb appoġġ għall-Kummissarju magħżula mill-Gvern, Helena Dalli u kien għalhekk li appoġġja l-kandidatura tagħha.

Fil-kuntest tas-smigħ li sar illum fil-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni ta’ Helena Dalli, il-PN jinnota l-impenn li għamlet Helena Dalli biex fost l-oħrajn tiġġieled id-diskepanza bejn il-pensjonijiet u l-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. Dan huwa kruċjali wkoll għal pajjiżna hekk kif il-pensjoni tan-nisa hija 44.8% dik tal-irġiel u d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel f’Malta kompliet tiżdied u issa telgħet għal kważi 12%.

Il-PN jappella sabiex Helena Dalli timbotta d-direttiva tal-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, li nnegozja David Casa, tkun implimentata fl-Ewropa inkluż f’pajjiżna. Dan ifisser 10 tijiem ta’ leave għall-missirijiet bi ħlas, fost l-oħrajn. Il-PN jrid ukoll li fost l-oħrajn jkun hemm aktar inċentivi għal nisa li jaħdmu jew li jridu jibdew negozji.

Dan hekk kif f’Malta, d-differenza fin-numru ta’ nisa jaħdmu mqabbel man-numru tal-irġiel (gender gap in employment) huwa t-tielet mill-aħħar bin-numru ta’ nisa li jaħdmu huwa ta’ 63.4% meta n-numru ta’ rġiel huwa ta’ 85.7%, li tfisser differenza enormi ta’ 22.3%.

Dan apparti li Malta hija qabel tal-aħħar u taqbeż biss lill-Estonja għan-numru ta’ nisa fuq bordijiet (10%). Il-PN jrid ukoll li l-Ewropa tinvesti aktar sabiex titjieb l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità fl-oqsma kollha tal-ħajja.

Il-PN jinnota wkoll li fost il-mistoqsijiet u rimarki li saru waqt is-smigħ, il-membri tal-Parlamentari Ewropew esprimew tħassib għal mod kif il-Gvern qed ikaxkar saqajh biex toħroġ il-verità u ssir ġustizzja mal-ġurnalista investigativa Daphne Caruana Galizia li ġiet assassinata sentejn ilu.

Il-PN jerġa’ jappella lill-Gvern sabiex jassigura li l-inkjesta indipendenti (li l-Oppożizzjoni ilha xhur titlob u li l-Gvern kaxkar saqajh għal tliet xhur sħaħ minkejja r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa) tkun tassew indipendenti u li ma tħalli l-ebda dubju.

Il-PN jrid ukoll ugwaljanza fil-qasam tal-ġustizzja għaliex jemmen fis-saltna tad-dritt u li quddiem il-liġi kulħadd huwa l-istess. Hekk biss il-Gvern jkun qed jieqaf quddiem l-impunità li ħalla taħkem f’pajjiżna.

Il-PN jistqarr li filwaqt li se jkompli jġib l-interess nazzjonali l-ewwel, il-Gvern irid jieħu azzjoni u jieqaf jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fl-Ewropa.