Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad appell tal-AĠ fuq stqarrija li kienet għamlet avukata

L-Avukat Ġenerali Peter Grech

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri ċaħdet appell li sar fil-konfront tal-Avukat Ġenerali fil-konfront tal-Avukat Graziella Attard mixlija b’importazzjoni ta’ droga.

L-appell kien sar wara li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fid-deċiżjoni tagħha kienet ordnat li l-istqarrija li kienet għamlet mal-Pulizija titneħħa bħala prova fil-każ li fih Attard li llum għandha 38 sena, mistennija tgħaddi ġuri. L-istqarrija għaldaqstant mhijiex waħda ammisibbli peress li hija ma kellhiex avukat waqt l-interogazzjoni.

Dak iż-żmien Graziella Attard kellha 23 sena u kienet fil-kors tal-liġi u aktar tard iggradwat. Flimkien ma’ dak li kien is-sieħeb tagħha ta’ nazzjonalità Taljana kienet ġiet arrestata wara li fil-karozza li kienu fiha ġejjin minn Sqallija wara li nstabu 10 kilogrammi reżina tal-kannabis.kienu waslu Malta minn Pozzallo għall-ħabta tad-9.15pm. Huma kienu nqabdu fl-4 ta’ Novembru 2004

Wara din il-qabda tad-droga, fid-dar tal-koppja fil-Fgura kienu nstabu iżjed drogi. Attard fl-istqarrija kienet ammettiet li kienet taf lil Roberto Conte kien se jmur biex iġib id-droga u li kien hemm pjan biex jimpurtaw 38 blokka tar-raża meħuda mill-pjanta kannabis.

Fis-6 ta’ Novembru kienet ammettiet ukoll mal-Pulizija li kienet taf li Conte kien se jġib id-droga u li kienu se jgħadduha lil terza persuna biex jitħallsu ta’ sehemhom.

L-eks-sieħeb tagħha Roberto Conte kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u ġie kundannat 12-il sena ħabs u multa ta’ €23,000. Il-Qorti Kostituzzjonali fis-sentenza tagħha qalet li minkejja li ma seħħ ebda ksur tal-jedd tagħha għal smigħ xieraq meta tteħditilha stqarrija, madankollu dik l-istqarrija m’għandhiex tagħmel parti mill-kawża.

Għaliha qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia. Attard għadha sal-lum tisħaq fuq l-innoċenza tagħha hekk kif mistennija tibda tgħaddi ġuri fuq il-każ.