“Iż-żgħażagħ huma dawk li jikkreaw u li jibnu s-soċjetà ta’ għada.”, dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, meta dar l-istands imtellgħin mill-għaqdiet tal-istudenti matul il-Freshers’ Week fl-Università.

Huwa tkellem mal-istudenti u sema’ aktar dwar il-ħidma tad-diversi għaqdiet tagħhom. Adrian Delia qal huwa importanti li ż-żgħażagħ jibqgħu juru interess fit-tagħlim u fil-futur tal-pajjiż, sabiex ikunu fl-aħjar pożizzjoni li jbiddlu l-futur ta’ pajjiżna. Għalhekk hija sfortuna li għad hawn ammont ta’ studenti li ma jibqgħux għaddejjin u jkomplu bl-istudji tagħhom. Huwa qal li l-Università huwa l-post tal-ideat, id-diskussjoni, l-kreattività u mhux taċ-ċensura.

Matul din iż-żjara, il-Kap tal-PN, kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli. Miegħu kien hemm ukoll uffiċjali tal-Kunsill Studenti Universitarji immexxija mill-President tal-KSU William Farrugia u l-Viċi President Celine Bartolo.

Żaru wkoll dawn l-istands, il-Viċi Kap tal-PN David Agius kif ukoll id-Deputat Toni Bezzina.


