Internazzjonali Lokali

“Jien kont nagħmel totalment differenti” – Helena Dalli

Helena Dalli affaċjat tliet sigħat ta’ mistoqsijiet mill-Membri tal-Parlament Ewropew bħala parti min-nomina tagħha biex issir Kummissarju għall-Ugwaljanza fl-Unjoni Ewropea.

Għalkemm din il-kariga tagħha titratta l-Ugwaljanza, kien hemm mistoqsijiet li ffukaw direttament fuq Malta u s-sitwazzjoni tal-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kif ukoll is-sitwazzjoni tal-Panama Papers.

Helena Dalli sejħet il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bħala femiċidju.

Madanakollu, rigward is-sitwazzjoni tal-Panama Papers u l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, Helena Dalli qalet li kieku hi kienet tagħmel totalment differenti milli għażel li jagħmel il-Prim Ministru Joseph Muscat li baqa’ sieket u għatta għal dawk imsemmija fil-Panama Papers.

“Le jien ma naqbilx, kieku għamilt l-affarijiet totalment differenti” – Helena Dalli

Dan filwaqt li kemm Konrad Mizzi, kif ukoll Keith Schembri għadhom jagħmlu parti importanti fil-Gvern tal-Labour, l-istess Gvern li wassal biex Helena Dalli tkun nominata għal din il-kariga fi Brussell.

Il-MEP tal-PN David Casa, kien parti minn dawk li staqsew lil Helena Dalli tul din is-sessjoni.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista saqsa, x’qed iżomm lil Joseph Muscat milli jneħħi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi hekk kif l-iskandu tal-Panama Papers u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern Laburista qed ikompli jħalli impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-kundanna għall-mod kif Joseph Muscat m’għamel xejn fid-dawl ta’ skandlu daqshekk kbir ġab kundanna waħda wara l-oħra. Issa eks-Ministru tal-Kabinett tiegħu stess, Helena Dalli qed twissi lil Jospeh Muscat li hi kienet tagħmel l-affarijiet ferm differenti. Għalhek il-mistoqsija issa hi x’qed iżomm lil Joseph Muscat milli jneħħi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi?

Joseph Muscat għandu jieqaf jilgħab bl-istituzzjonijiet u minflok ineħħi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi, u jara li min għamel ħażin jerfa’ responsabbiltà.

Fi stqarrija separata, il-Partit Nazzjonalista qal hu kommess favur soċjetà Maltija u Ewropea msejsa fuq l-ugwaljanza. Kien f’dan l-ispirtu u fl-interess nazzjonali li l-PN ħadem fuq livell Ewropew biex jikseb appoġġ għall-Kummissarju magħżula mill-Gvern, Helena Dalli u kien għalhekk li appoġġja l-kandidatura tagħha.

Fil-kuntest tas-smigħ li sar illum fil-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni ta’ Helena Dalli, il-PN jinnota l-impenn li għamlet Helena Dalli biex fost l-oħrajn tiġġieled id-diskepanza bejn il-pensjonijiet u l-pagi bejn l-irġiel u n-nisa.