Jordan Azzopardi li jinsab mixli bi 15-il akkuża li jvarjaw mit-traffikar tad-droga, vjolenza u flus foloz reġa’ għamel talba għal libertà proviżorja fejn qal li issa li x-xhieda pajżana xehdu kollha fil-konfront tiegħu wasal iż-żmien li jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Din hija t-tieni talba li għamel Jordan Azzopardi għal libertà proviżorja wara li t-talba li kienet saret fit-23 ta’ Awwissu li għadda kienet ġiet miċħuda mill-Qorti.
Fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li qalet li mistennija tiddeċiedi aktar il-quddiem dwar din it-talba, l-Avukat Difensur tiegħu Franco Debono qal li l-każ issa ilu jkarkar minn Marzu li għadda u jekk kien hemm problema minħabba li għad jonqos xi xhieda pajżana biex jagħtu d-depoċizzjoni tagħhom, din issa m’għadhiex teżisti.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Mercieca oppona għat-talba tad-difiża u dan minħabba l-kaċ inkwistjoni, l-affidabilità tal-akkużat u l-biża li dan jaħrab minn Malta.
Minn naħa tiegħu l-Avukat Franco Debono, li flimkien mal-Avukati Amadeus Cachia u Mario Camilleri qed jidhru għal Jordan Azzopardi u anke għat-tfajla tiegħu li tinsab mixlijia b’reati simili, qal li kull min jingħata l-‘bail’ jista’ jaħrab, allura b’dan l-argument messu ħadd ma jingħata l-ħelsien mill-arrest, huwa tenna.
“Hawn persuni li kienu akkużati b’reat aktar gravi minn ta’ Jordan Azzopardi u ngħataw il-libertà proviżorja. Kulħadd huwa ndaqs f’għajnejn il-liġi – kien hawm minn kien akkużat li kellu 80 u anke 100 kilo droga, u ngħata l-libertà proviżorja.
“Il-proċess issa mmatura u qed nikkwota diversi sentenzi oħra li jitkellmu ċar u tond dwar każi simili u li dawn kellhom it-talba tagħhom milqugħa. Ix-xhieda issa hija konservata bil-Qorti li mxiet verament tajjeb f’dawn il-proċeduri anke fejn tidħol speditezza, tista’ tordna kundizzjonijiet xierqa fil-konfront tal-akkużat” qal l-Avukat Franco Debono.
Fil-kumpilazzjoni xehed James Zammit li kien akkumpanjat mill-Avukat Lucio Sciriha li ngħata twissija li seta’ ma jixhidx kieku ried biex ma jinkriminax lilu nniffsu. Huwa għażel li jixhed u qal li huwa Direttur ta’ kumpaniji ta’ karozzi u li f’Malta, l-kumpanija għandha diversi ‘showrooms’.
Huwa irrisponda domandi dwar xiri ta’ karozza Range Rover li kienet saret minn Jonathan Mangion (f’seduta preċedenti kien ħareġ li dan kien ħabib ta’ Jordan Azzopardi u kien ingħad li l-karozza kienet għalih). Zammit qal li l-kien sar ftehim li l-karozza Range Rover tinbiegħ għal €110,000.
Kien sar ftehim li €70,000 jingħataw bħala depożitu u l-bqija pagament fix-xahar. Qal li madankollu kull ma tħallsu minn dan il-ftehim li sar fit-18 ta’ Settembru, 2018 kienu €20,000. €5,000 għal tliet darbiet fi flus kontanti u magħhom karozza Toyota IGO li kienet tiswa’ madwar €5,000 oħra. Il-kumplament tad-depożitu baqgħu ma tħallasx u ovvja lanqas tħallsu pagamenti ta’ kull xahar.
Xhud ieħor kellu jkun Glenn Bonello, li wkoll ingħata twissija mill-Qorti li bix-xhieda tiegħu seta’ jinkrimina lilu nniffsu, u nforma lill-Qorti li kien se juża d-dritt tiegħu u ma jixhidx.
Wara xehed James Falzon li huwa ‘sprayer’ tal-karozzi u li għandu garaxx fejn jagħmel ix-xogħol fil-Mosta. Huwa qal li kien għamel xi xogħol fuq Range Rover wara li kellha xi daqqiet, waħda fil-ġemb u fil-biebin. Qal li l-ħlas lilu kien sar b’insurrance u li l-karozza kienet ittieħdet minn Jordan Azzopardi.
Azzopardi ilu miżmum il-ħabs sa mit-13 ta’ Marzu. Jordan Azzopardi, ta’ 29 sena mill-Iklin kien akkumpanjat mit-tfajla tiegħu ta’ 30 sena fl-iżbarra. Hija wkoll qed tiġi akkużata bi traffikar ta’ droga u li ssuspettata li ppruvat xxaħħam xhud. Hija kienet ingħatat l-ħelsien mill-arrest f’Awwissu li għadda.
Il-mara ta’ 30 sena hija omm ta’ ħames ulied u isimha ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti biex jiġu protetti t-tfal. L-Avukat Debono fil-Qorti, reġa’ saħaq li l-aktar xi ħaġa mportanti fis-sistema penali hija l-preżunzjoni tal-innoċenza għandha tiġi rispettata.
Dwar il-każ il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienet ukoll allegatament sabet madwar €7,000 f’karti tal-mitt ewro foloz, f”razzett – ikkonvertit f’residenza lussuża – f’San Martin, fil-limiti tal-Wardija li allegatament kien jintuża minn Azzopardi.
Fi tfittixja fir-residenza fejn kien hemm il-jacuzzi, instabu ftit inqas minn €7,000 f’karti ta’ €100 foloz. F’din it-tfittxija nstabet ukoll ammont ta’ ‘crack cocaine’, li kienet moħbija f’ħajt tas-sejjieħ. Il-proċeduri fil-Qorti kontra Jordan Azzopardi u t-tfajla tiegħu se jkomplu fis-16 ta’ Ottubru li ġej fin-12.30 pm.
//= $special ?>