Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo għamlet referenza lill-Kamta tal-Avukati fuq każ ta’ ksur ta’ kodiċi tal-etika għall-avukati fil-konfront ta’ avukat li huwa nkarigat mix-xiri tal-passaporti.
Ir-referenza saret fil-konfront ta’ Jean-Philippe Chetcuti, s-sieħeb ewlieni tal-kumpanija tal-Avukati Chetcuti Cauchi.
Dan sar fid-dawl tat-talba li għamlet l-organiżazzjoni mhux Governattiva Repubblika dwar inkjesta fuq il-bejgħ u allegat korruzzjoni tal-passaporti Maltin lill-barranin.
Dan ukoll fid-dawl tal-istorja li ħareġ biha stazzjon televiżiv Franċiż Channel M6 fejn permezz ta’ kamera moħbija l-Avukat Chetcuti tkellem dwar ir-relazzjonijiet viċini li għandu mal-Ministri Owen Bonnici u Julia Farrugia u anke mal-Prim Ministru Joseph Muscat, li tista’ tkun ta’ użu biex tassigura biex applikant, anke b’rekord kriminali jingħata ċ-ċittadinanza Maltija.
Il-Maġistrat Farrugia Frendo trid tiddeċiedi jekk hemmx il-ħtieġa li tordna li ssir inkejsta dwar dawn l-allegazzjonijiet. Fi smiegħ preliminari, il-Qorti nnutat li l-Avukat Jean-Philippe Chetcuti huwa Direttur f’żewġ kumpaniji reġistrati mal-MFSA.
Huwa Direttur u azzjonist fil-kumpanija ‘Chetcuti Cauchi Advisors Limited’ u ‘Chetcuti Cauchi Consulting Limited’. Iż-żewġ kumpaniji qegħdin jintużaw mill-kumpanija tal-Avukati ‘Chetcuti Cauchi’ biex jassistu lill-applikanti għaċ-ċittadinanza li finalment tikkwalifkhom għall-passaport Malti.
Ġie rilevat li l-Avukat Jean Chetcuti – Direttur tas-soċjetajiet imsemmija li jeżerċita’ l-professjoni t’avukat ukoll, ma jistax jiżvela nformazzjoni mogħtija lilu jew jiġi mistoqsi fuq ħwejjeġ li ġew mgħarrfa lilu mill-klijenti tiegħu jekk mhux bl-ezenzjoni ta’ l-istess klijenti.
Illi dan hu privileġġ assolut permezz ta’ l-Artikolu 6B tal-Kapitolu 377 tal-Liġijiet ta’ Malta li ma jħalli l-ebda lok għal interpretezzjoni li l-Avukat huwa prekluż għal kull raġuni milli jiżvela nformazzjoni mogħtija lilu mill-klijenti tiegħu.
Dan il-privileġġ assolut huwa wkoll sanċit permezz ta’ l-Artikolu 8 tal Konvenzjoni Ewropea ghad-Drittijiet ta’ Bniedem, Il-Maġistrat ikkwotat il-kodiċi ta’ etika tal-Avukati li ma tippermettix lilhom li jkunu parti minn ‘xi negozju ma’ ħaddieħor biex joffri negozju li jagħti pariti legali u dan billi jagħmel ‘drafts’ bħal kuntratti jew xi attività li l-liġi tirriżerva biss għall-Avukati. Il-każ issa ġie referut lill-President tal-Kamra tal-Avukati Louis De Gabriele.