Lokali

Kors dwar sewqan sigur

Wara li x-xahar li għadda organizzat dawra bil-muturi sabiex tqajjem kuxjenza dwar iktar sigurta fit-toroq, 2 Wheels Foundation Malta organizzat sessjoni ta’ taħriġ dwar ħiliet ta’ sewqan bil-mutur.

Ħiliet li huma essenzjali biex wieħed jevita sitwazzjonijiet ta’ periklu fit-triq. Għal dan il-għan, għalliem ċertifikat mir-Renju Unit ġie Malta fejn ħarreġ numru sabiħ ta’ sewwieqa f’tekniċi varji ta’ sewqan sigur.

FILMAT: 2 WHEELS FOUNDATION MALTA

Iktar minn 50 sewwieq attendew għal dan in-nofs ta’ nhar ta’ taħriġ li seħħ f’Montekristo Estates. It-taħriġ kien jinkludi slalom ma’ ostakli, testijiet tal-bilanċ, l-użu ta’ brejkijiet kif ukoll spezzjonijiet li għandu jagħmel sewwieq qabel jitlaq għal vjaġġ bil-mutur.

Kelliem għal 2 Wheels Foundation Malta qal li l-ħsieb wara dan it-taħriġ hu li s-sewwieqa tal-muturi jieħdu ħsieb is-sigurta’ tagħhom billi jtejjbu l-ħiliet u l-għarfien dwar tekniċi li jistgħu joħorġuhom minn sitwazzjonijiet li jistgħu ikunu ta’ periklu.