Il-kowċ ta’ Valletta Darren Abdilla jqis li l-akbar problema li kellu f’dan il-bidu tal-kampjonat hi li għandu ħafna plejers imweġġgħin u konsegwenza ta’ dan mhux qed ikun possibbli li jilgħab bl-aħjar formazzjoni u sistema tattika. Valletta bdew il-kampjonat b’telfa kontra Santa Lucia filwaqt li kisbu rebħiet kontra Sliema u Balzan u draws kontra Floriana u Birkirkara. Għada jkunu impenjati kontra Gżira United fl-Istadium Nazzjonali.
Din se tkun l-ewwel logħba ta’ Darren Abdilla bħala kowċ minn meta spiċċa minn ma’ Gżira l-istaġun li għadda. Hu qal li għalih tkun ftit differenti u emozzjonanti, iżda saħaq li llum hu kowċ ta’ Valletta. Darren Abdilla jemmen li huma l-aqwa tim u għandhom skwadra twila biżżejjed. Hu jixtieq li t-tim joħloq aktar okkażjonijiet ta’ skor. “Gżira hu wieħed mill-aktar timijiet li nvesta. Kien mistenni aktar minnhom u wara erba’ draws, rebħu l-aħħar logħba u jixtiequ jibnu fuqha.” Abdilla kompla li din il-logħba mhux se tiddetermina r-rebħ tal-kampjonat għaliex għadu bidu.
Sa issa, fil-kampjonat kien hemm diversi riżultati mhux mistennija u għalhekk it-timijiet imsejħa kbar, għadhom mhumiex fl-ogħla postijiet fil-klassifika. Abdilla għamel referenza għal dan u semma kif it-timijiet kienu impenjati fil-kompetizzjonijiet Ewropej filwaqt li t-tim bħal Birkirkara kellu tibdil kbir u għadu jrid joqgħod. Hu jemmen li sal-għaxar logħba l-klassifika tkun aktar f’postha.
Għall-konfront ta’ għada, Abdilla għadu mhux ċert dwar il-formazzjoni hekk kif il-midfielder Irakli Dzaria, Joseph Zerafa, Matteo Piciollo u Ryan Camilleri jinsabu dubjużi, minbarra Santiago Malano li hu mweġġa’ fit-tul.
Valletta jħabbru sponsor ġdid
Intant Valletta ħabbru li laħqu ftehim għal sħubija ġdida mal-kumpanija tas-servizzi tar-reklutaġġ CGS Malta. Il-Viċi President u Kap Eżekuttiv ta’ Valletta Alexander Fenech qal li l-futbol hu proġett li jiswa ħafna flus filwaqt li l-kontribut lejn l-isport qed jonqos. Hu kompla li jinsab kburi u grat li kumpanija bħal GCS Malta qed tgħin lill-klabb. Fenech qal li mal-kowċ Darren Abdilla għandhom pjan aktar fit-tul biex filwaqt li jikkontrollaw l-infiq tagħhom, jidħlu aktar żgħażagħ fit-tim kif diġà qed isir.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ CGS Malta Christian Gravina qal li huma kuntenti li jagħtu s-sapport lil dan il-klabb. Gravina żied li huma għażlu lil Valletta għaliex għandhom l-akbar numru ta’ partitarji u għandhom storja ta’ suċċessi.
