Liverpool evitaw sorpriża f’Anfield b’rebħa ta’ 4-3 kontra Red Bull Salzburg biex kisbu l-ewwel rebħa fi Grupp E. It-tim ta’ Klopp kellu vantaġġ komdu ta’ 3-0 fl-ewwel taqsima, l-ewwel b’gowl ta’ SADIO MANE fid-disa’ minuta. ANDY ROBERTSTON kompla għal ġewwa kross ta’ Trent Alexander-Arnold fil-25 minuta u MOHAMED SALAH għamilhom tlieta fis-36 minuta. HEE-CHAN HWANG naqqas id-distakk tliet minuti wara u TAKUMI MINAMINO fetaħ il-logħba b’xutt mill-ewwel fis-56 minuta. ERLING BRAUT HAALAND ġab id-draw mas-siegħa logħob b’gowl mill-qrib, iżda MOHAMED SALAH skorja l-gowl tar-rebħa fid-69 minuta.
Barcelona dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Inter 2-1 fil-Camp Nou. LAUTARO MARTINEZ kien poġġa lit-tim ta’ Antonio Conte fil-vantaġġ wara biss tliet minuti f’kontrattakk veloċi. Fl-ewwel taqsima Inter kellhom diversi okkażjonijiet ta’ skor, iżda fit-tieni taqsima Barcelona żiedu l-isforzi tagħhom u fit-58 minuta meritatament ġabu d-draw bi kross tas-sostitut Arturo Vidal lejn LUIS SUAREZ li b’xutt b’saħħtu mill-ewwel għeleb lil Samir Handanovic. Il-gowl tar-rebħa wasal fl-84 minuta b’Lionel Messi jsib lil LUIS SUAREZ li b’kontroll tajjeb daħal fil-kaxxa u skorja minn qagħda ideali.
Mill-istess grupp, Borussia Dortmund kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 barra minn darhom fuq Slavia Praga. L-eroj tagħhom kien ACHRAF HAKIMI li l-ewwel fetaħ l-iskor fil-35 minuta biex għalaq il-logħba fid-89 minuta.
Napoli baqgħu fil-quċċata ta’ Grupp E anki jekk iddiżappuntaw bi draw ta’ 0-0 kontra Genk barra minn darhom. In-Naplitani kellhom diversi okkażjonijiet ta’ skor speċjalment fl-ewwel taqsima, għalkemm il-Belġjani kienu perikolużi fl-azzjonijiet li kellhom.
Ajax kisbu t-tieni rebħa fi Grupp H b’rebħa ta’ 3-0 fil-Mestalla kontra Valencia. HAKIM ZIYECH fetaħ l-iskor wara tmien minuti bi ġmiel ta’ xutt minn barra l-kaxxa u wara li Dani Parejo falla penalty għal Valencia fil-25 minuta, QUINCY PROMES irdoppja fl-34 minuta b’xutt mill-kaxxa. DONNY VAN DE BEEK għalaq il-logħba fis-67 minuta.
Chelsea wkoll rebħu barra minn darhom iżda 2-1 kontra Lille. TAMMY ABRAHAM għeleb in-nasba tal-offside u fetaħ l-iskor fil-21 minuta iżda VICTOR OSHIMEN ġab id-draw fit-33 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner. WILLIAN skorja l-gowl tar-rebħa b’xutt mill-ewwel fis-77 minuta.
Minn Grupp Ġ, Olympique Lyon għelbu lil Leipzig 2-0 barra minn darhom. MEMPHIS DEPAY skorja l-ewwel gowl wara 11-il minuta meta ħa vantaġġ minn żball difensiv, b’MARTIN TERRIER jirdoppja f’nofs it-tieni taqsima wkoll minn żball fid-difiża.
Benfica sofrew it-tieni telfa fil-grupp meta kienu megħluba 3-1 minn Zenit fir-Russja, L-attakkant ARTEM DZYUBA poġġa lil Zenit minn fuq fit-22 minuta u rduppjaw fis-70 minuta b’awto-gowl ta’ Ruben Dias. SARDAR AZMOUN għamilhom 3-0 fit-78 minuta b’RAUL DE TOMAS inaqqas id-distakk seba’ minuti wara.
Riżultati kollha
Grupp E: Genk v Napoli 0-0, Liverpool v Red Bull Salzburg 4-3
Grupp F: Barcelona v Inter 2-1, Slavia Praga v Borussia Dortmund 0-2
Grupp Ġ: Leipzig v Olympique Lyon 0-2, Zenit v Benfica 3-1
Grupp H: Lille v Chelsea 1-2, Valencia v Ajax 0-3
//= $special ?>