Rugby Sport

New Zealand tikseb rebħa kbira kontra l-Kanada

(Ritratt: World Rugby)

L-aħwa Beauden, Jordie u Scott Barrett daħlu fl-istorja hekk kif skorjaw try kull wieħed u għenu biex New Zealand tirbaħ 63-0 kontra l-Kanada. New Zealand kisbet disa’ tries hekk kif iddominaw taħt is-saqaf magħluq f’Oita. L-All Blacks telgħu t-tieni f’Pool B, punt wara l-Italja li kisbet żewġ punti żejda.

Il-Kanada tilfet 29-13 kontra New Zealand fil-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-1991. Minn dakinhar huma sofrew telfiet b’aktar minn 50 punt fil-ħames konfronti li lagħbu, iżda din kienet l-ewwel darba li l-Kanadiżi naqsu li jiksbu xi punt.

Iċ-champions tad-dinja daħlu jistrieħu 21-0 fil-vantaġġ bi tries ta’ Jordie Barrett, Sonny Bill Williams u Beauden Barrett u penalty wara sitt minuti. Fl-ewwel għaxar minuti tat-tieni taqsima, New Zealand għamlet erba’ tries permezz ta’ Rieko Ioane, Scott Barrett, Shannon Frizell u Brad Weber, bl-istess Weber iżid try ieħor fis-57 minuta. Richie Mo’unga għamel it-tmien conversions tat-tim tiegħu.