Monsinjur Mario Grech mhux se jibqa’ Isqof tad-djoċesi t’Għawdex. Dan hekk kif Mons. Grech, ġie msejjaħ biex ikompli bil-ħidma tiegħu f’Ruma fejn se jkun qed jaqdi rwol fil-Vatikan.
Jidher illi kien il-Papa Franġisku nnifsu kkuntattja lil Mons. Grech madwar ġimgħatejn ilu meta l-Isqof t’Għawdex kien għal pellegrinaġġ f’Loudres. Wara dan il-kuntatt, l-Isqof Grech iltaqa’ mal-Papa fil-Vatikan fejn qalu li jixtiequ jsir il-Prosegretaju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfiijiet.
Tard il-ġimgħa li għaddiet, saret laqgħa oħra bejn il-Papa u l-Isqof Grech fejn l-Isqof t’Għawdex informa lill-Papa Franġisku li kien aċċetta li jieħu din il-kariga.
L-Isqof se jassumi r-responsabbiltajiet ta’ Segretarju Ġenerali tas-Sinodu f’Awwissu li ġej meta jtemm il-mandat tiegħu, l-Kardinal Lorenzo Baldisseri. F’dan il-perijodu, Mons. Grech se jservi bħala ProSegretarju u Ammistratur Appostoliku għad-Djoċesi ta’ Għawdex sakemm jinħatar Isqof ieħor.

Dalgħodu Mons. Mario Grech laqqa’ l-kapitlu tal-Katidral t’Għawdex fejn ikkomunika din l-aħbar. U aktar tard, laqqa’ l-kappillani tal-parroċċi f’Għawdex.
14-il sena ilu, Mons. Grech kien laħaq flok Nikol Cauchi, wara li kien kappillan tal-parroċċa ta’ Kerċem. Hu kien ordnat saċerdot f’Mejju tal-1984 u jibqa’ mfakkar għad-dikjarazzjonijiet tiegħu magħmula bir-reqqa speċjalment fuq temi soċjali.
Mario Grech, li għandu 62 sena, laħaq Isqof fl-2005.
Dan l-iżvilupp importanti jfisser ukoll li issa tibda l-ħidma biex jinħatar Isqof ġdid għad-djoċesi t’Għawdex, u fil-fatt fiċ-ċrieki tad-Djoċesi diġa’ bdew jissemmew xi ismijiet.
