Lokali Qorti

18-il xahar ħabs fuq pornografija tat-tfal

Raġel ta’ 36 sena ġie kkundannat 18-il xahar ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li kellu fil-pusses tiegħu materjal pornografiku ta’ tfal taħt l-età. Ir-raġel kien għadu kemm ingħata l-libertà proviżorja fuq każ ieħor, dak ta’ kondotta vjolenti.

Huwa ammetta li wettaq dawn ir-reati f’Settembru li għadda u dan billi kellu materjal jew ippermetta l-pornografija li kienet disponibbli fuq il-kompjuter tiegħu, u li wera materjal indiċenti ta’ persuni taħt l-età.

L-Ispettur Roxanne Tabone esebit numru ta’ oġġetti tar-raġel li huwa minn Ħal-Għaxaq, li jinkludi wkoll il-mobajl tiegħu. L-Avukat Mario Mifsud li deher għall-akkużat talab lill-Qorti biex ismu ma jixxandarx fuq il-meżżi tax-xandir għal diversi raġunijiet, liema talba kienet milqugħa mill-Qorti.

Minbarra s-sentenza ta’ ħabs huwa ġie mpoġġi taħt ordni ta’ trattament għall-perjodu ta’ sentejn u ordni li jirrabilità mill-vizzju tad-droga. Il-Qorti ordnat ukoll is-distruzzjoni tal-materjal pornografiku li nstab fid-dar tiegħu.