Hekk kif din il-ġimgħa ħafna żgħażagħ bdew l-esperjenza ġdida tagħhom ta’ edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja, dalgħodu kien imiss li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jżur l-istudenti tal-Junior College. Dan hekk kif ilbieraħ, Adrian Delia żar l-Università ta’ Malta.
Hu ntlaqa’ fil-kampus mill-Prinċipal tal-Kulleġġ Paul Xuereb u mill-membri tal-Għaqda KSJC fejn kellu l-okkażjoni li jdur diversi stands tal-għaqdiet tal-istudenti, għaqdiet mhux governattivi u aġenziji li joffru servizzi għaż-żagħżagħ. Adrian Delia tenna li matul din iż-żjara kellu l-opporutnità li jerġa’ jġedded ftit il-memorji ta’ meta hu kien jattendi f’dan il-Kulleġġ.

Adrian Delia qatta’ wkoll ftit tal-ħin maż-żgħażagħ, fejn kellu l-okkażjoni li jagħmel diskussjonijiet magħhom fuq diversi suġġetti… fosthom dawk li jaffettwahom l-aktar fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u l-isfidi li jaffaċċjaw.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ammira ferm l-entużjażmu ta’ dawn iż-żgħażagħ u l-mod ta’ kif l-ottimiżmu taghhom iħares lejn il-problemi bħala opportunitajiet.

Adrian Delia ddeskriva t-taħdidiet li kellu mal-istudenti… fejn fost l-oħrajn spikkat il-preokkupazzjoni tagħhom dwar l-ambjent.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem dwar l-edukazzjoni Clyde Puli.
