Raġel armat b’sikkina qatel erba’ uffiċjali tal-pulizija fil-kwartieri-ġenerali tal-korp fil-belt ta’ Pariġi. L-aħħar rapporti anki rreferew għal talanqas persuna midruba fl-attakk.
L-aggressur, li skont ir-rapporti kien ‘membru tal-istaff tal-bini’, imbagħad spiċċa matul minn tiri li sparawlu l-pulizija fl-inħawi. L-ewwel dettalji li ħarġu sostnew li l-qattiel kien ilu għal dawn l-aħħar 20 sena ‘impjegat fl-amministrazzjoni tal-pulizija’, bl-iskop wara d-dmija jibqa’ mhux magħruf.
L-awtoritajiet, dritt wara l-attakk, ħadu minnufih il-prekawzjonijiet fiz-zoni sensittivi tal-kapitali, bil-President Franċiż, Emmanuel Macron u l-Ministru Franċiż għall-Intern, Christophe Castaner, jaslu fuq il-post biex ikunu aġġornat bl-iżviluppi.
Dan waqt li s-sit tal-attakk – l-ile de la Cite, qrib il-katideral ta’ Notre-Dame fil-qalba ta’ Pariġi — spiċċa magħluq lill-pubbliku. Ingħalaq ukoll l-istazzjon tal-metro li hu eqreb il-kwartieri-ġenerali tal-pulizija, b’din id-deċiżjoni tittieħed ‘għal raġunijiet ta’ sigurtà’.
L-aggressjoni qed tidher li seħħet ftit wara nofsinar, bil-media Franċiża tirrapporta li l-aggressur, l-ewwel, qatel żewġ persuni ġo żewġ uffiċini qabel attakka lit-tielet vittma li ‘inzertaha fuq it-taraġ’. Ir-raba’ persuna maqtulha qalgħet daqqiet ta’ sikkina fil-bitħa tal-kumpless – u fejn l-aggressur, wara, spiċċa maqtul mill-pulizija.
Il-qtil tal-uffiċjali, fil-fatt, kellu jsir l-għada li l-pulizija Franċiżi madwar il-pajjiż kienu ħarġu fuq strajk minħabba r-rata allarmanti ta’ vjolenza fil-konfront tagħhom u l-ammonti dejjem qed jiżdiedu ta’ suwiċidji fost il-membri tal-korp.
//= $special ?>